Seba’ persuni ttieħdu l-Isptar Mater Dei wara li kienu nvoluti f’ħabta ‘head on’ fil-Bypass tal-Ħamrun.
Fost il-vittmi hemm tifel ta’ seba’ snin u tliet tfajliet ta’ 14-il sena.
Il-każ seħħ għall-ħabta tal-15:45 meta għal xi raġuni, karozza tat-tip Renault ta’ lewn aħmar skur tilfet il-kontroll u qabżet fuq il-karreġġjata l-oħra fejn kellha mpatt ma’ karozza tat-tip BMW bajda.Il-karozza Renault kienet qed tinstaq minn mara ta’ 38 sena minn Ħaż-Żabbar li magħha kellha tliet tfajliet ta’ 14-il sena, filwaqt li l-karozza tat-tip BMW kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 42 sena minn Wied il-Għajn li passiġġiera miegħu kellu mara ta’ 40 sena minn Wied il-Għajn u tifel ta’ seba’ snin. Il-persuni kollha ttieħdu l-Isptar Mater Dei.
Waħda mit-tfajliet t’14-il sena ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi serji.
Tfajla oħra t’14-il sena, ir-raġel ta’ 42 sena, u l-mara t’40 sena, ilkoll sofrew minn ġrieħi ħfief.
It-tifel ta’ 7 snin qed isofri minn ġrieħi ħfief, u t-tfajla l-oħra ta’ 14-il sena qed issofri minn ġrieħi gravi.
Huma nħarġu mill-vetturi permezz ta’ ħidma mill-membri tal-Protezzjoni Ċivili.
Dwar il-każ infetħet inkjesta Maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Marsaenne Farrugia u l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.