Ħamsa mis-sitt persuni, li kellhom jiddaħħlu l-Isptar Mater Dei għall-kura wara ħabta bejn karozza u double decker fi Triq il-Kosta l-Ħadd waranofsinhar, instab li sofrew ġrieħi ħfief. Dawn jinkludu liż-żewġ xufieri u tliet passiġġieri nisa fid-double decker.
Passiġġiera ta’ 80 sena minn Ħaż-Żebbuġ, li kienet fil-karozza tat-tip Jaguar, instab li kienet fil-periklu tal-mewt il-Ħadd stess.

Id-double decker kienet misjuqa minn raġel mill-Kenja ta’ 39 sena, li jgħix iż-Żurrieq.
Il-persuni kollha involuti ġew assistiti minn tim mediku u l-Pulizija, li rrikorrew fuq il-post minnufih. Kien hemm ukoll membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, li għenu fl-operazzjoni biex jinħarġu n-nies mill-vetturi. Saħansitra wieħed mill-persuni tniżżel minn fuq id-double decker bit-turntable ladder tal-Protezzjoni Ċivili.
Assistew ukoll uffiċjali ta’ Transport Malta, li kkontrollaw it-traffiku, waqt li numru ta’ ambulanzi ġew skortati bil-muturi.
Dwar il-każ infetħet inkjesta Maġisterjali, immexxija mill-Maġistrat Antoine Agius Bonnici, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.