Inċident b’ferrovija viċin il-fruntieri bejn ir-Repubblika Ċeka u l-Ġermanja ħalla tliet persuni mejta u għexieren oħra midruba.
Il-Ministru tat-Trasport Ċek qal li ferrovija li telqet minn Munich fil-Ġermanja lejn Praga fir-Repubblika Ċeka, baqgħet għaddejja minn parti fejn suppost waqfet u baqgħet dieħla f’ferrovija oħra li kienet sejra lejn il-belt ta’ Domazlice.
L-awtoritajiet qalu li għadu mhux ċar jekk l-inċident seħħx minħabba nuqqas tax-xufier jew minħabba difett tekniku.
Il-vittmi huma x-xufiera taż-żewġ ferroviji u passiġġiera.
Filmati juru binarji mfarrka u tifrik miż-żewġ ferroviji.
Għexieren ta’ ħaddiema tas-salvataġġ kienu fuq ix-xena, bl-għajnuna tal-ħelikopters.