Żewġt irġiel qegħdin isofru minn ġrieħi gravi kawża ta’ inċident bejn sitt karozzi fin-Naxxar.
Il-każ seħħ għall-ħabta tal-11 ta’ filgħodu fi Triq il-Kosta.
Il-ħabta seħħet bejn Nissan Note misjuqa minn raġel ta’ 42 sena, Peugeot 208 misjuqa minn Ġermaniż ta’ 56 sena, Chevrolet Matiz misjuqa minn raġel ta’ 40 sena, Fiat Stilo misjuqa minn raġel ta’ 43 sena, BMW 320D misjuqa minn raġel ta’ 23 sena li kellu miegħu passiġġier ta’ 22 sena u Toyota Vitz misjuqa minn raġel ta’ 26 u li miegħu kellu mara ta’ 25 sena residenti l-Fgura u tarbija ta’ ftit xhur bħala passiġġiera.
Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku, taw l-assistenza tagħhom fuq il-post u permezz ta’ diversi ambulanzi, sitt persuni ttieħdu l-Isptar Mater Dei għall-kura.
Aktar tard, il-passiġġier tal-BMW ta’ 22 sena u r-raġel ta’ 40 sena li kien qed isuq il-vettura Chevrolet Matiz kienu ċċertifikati li ġarrbu ġrieħi gravi filwaqt li l-persuni l-oħra li ttieħdu lisptar, sofrew minn ġrieħi ħfief.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.