Għall-ħabta tat-tmienja u nofs ta’ dalgħodu, ħabsi għamel attentat biex iweġġa’ lilu nnifsu waqt li qiegħed il-ħabs.
L-inċident ġie rrappurtat minn persuni oħra fl-istess diviżjoni, u seħħ ftit ħin wara li sar il-fall-in.
Dan tħabbar fi stqarrija mill-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi hekk kif ġie spjegat li ħabsi, li skond rapporti huwa Keith Gravina ta’ 42 sena, ngħata l-ewwel għajnuna fosthom dik medika minn mediċi, fejn immedjatament issejħet ambulanza li waslet fuq il-post fi ftit ħin u ħaditu Mater Dei.
Ir-raġel ilu ġewwa l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi ftit ġimgħat, u kien ipprovdut b’għajnuna medika filwaqt li kien mitkellem minn psikologu jumejn ilu.
Keith Gravina qiegħed jinżamm b’arrest preventiv wara ftit tal-ġimgħat ilu huwa ġie akkużat li żamm mara kontra r-rieda tagħha fir-ristorant tiegħu fl-Imrieħel.
Fil-kumpilazzjoni tal-evidenza nstema’ kif il-mara ġiet salvata permezz ta’ intervent f’waqtu tal-Pulizija li kienu kostretti jisgassaw il-bieb tal-ħanut sabiex waqqfu lill-Gravina milli allegatament jibqa’ jtiha b’virga tal-ħadid. Is-surġent tal-Pulizija spjega kif il-mara kienet instabet għarwiena, miksija bid-demm u bil-ħall.