Raġel li ammetta li ta n-nar bieb ta’ dar f’Ħal Qormi intbagħat erba’ snin u nofs ħabs. Il-każ għadda f’ġuri wara li d-difiża u l-prosekuzzjoni naqsu li jilħqu ftehim wara negozjati qabel il-ġuri.
Il-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Antonio Mizzi, osservat li Martin Marco Baldacchino għamilha ċara li kien lest jikkollabora mal-prosekuzzjoni dwar il-każ li seħħ f’Awwissu tal-2011. Iżda l-uffiċjal prosekutur qatt ma kkuntattjah.
Kien biss f’Novembru li għadda li saru żewġ laqgħat u l-akkużat għamel stqarrija. Fis-sentenza tiegħu l-Imħallef qal li Baldacchino wieġeb ħati, ikkopera u ħallas tal-ħsara.
Fis-sentenza saret ukoll referenza għall-vizzju tad-droga tal-akkużat, għalkemm issa għeleb il-vizzju.