Nico Spadling ta’ għoxrin sena ingħata sentenza ta’ sittax il-xahar ħabs wara li nstab ħati ta’ serq ta’ ikel u xorb minn ħanut fil-Belt Valletta.
Spadling li hu Malti u ma għandux indirizz fiss kien tressaq il-Qorti mill-Ispettur Jeffrey Scicluna fil-bidu tax-xahar li għadda fejn ma kienx ammetta l-akkużi miġjuba kontrih u nżamm arrestat. Huwa kien ġie arrestat f’Ħaż Żabbar.
Fil-kumpilazzjoni tax-xhieda l-imputat ammetta l-akkużi quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello, li weħlitu sentenza ta’ ħabs effettivi għall-affarijiet misruqa li l-valur tagħhom kien jammonta sa’ €50.
Fil-Qorti ż-żagħżugħ kien qal li ma għandux dar u għalhekk jgħix barra, instab ukoll li kien jabbuża mid-droga. Nico Spadling kien instab ħati ta’ każ ieħor ta’ serq fejn kien ammetta u ngħata ‘probation’, li nkissret mill-imputat. Huwa nstab ħati wkoll li hu riċediv.