Wara sentejn jikri farmhouse li ma kinitx tiegħu lill-ħaddieħor, Duncan Buttigieg ingħata sentenza ta’ sentejn ħabs. Buttiġieġ instab ħati li iffroda lil ħdax-il Malti billi ġabrilhom id-depożiti għall-kirjiet ta’ farmhouse u li huwa reċidiv.
Il-Maġistrat Josette Demicoli semgħet kif wara li l-Maltin ħallsu d-depożiti kienu jsibu li s-sid tal-farmhouse ma kellux idea bil-kirja. Ir-raġel ta’ tlieta u tletin sena li instab ħati diversi drabi fil-passat b’ offiżi relatati ma’ frodi, wieġeb ħati għall-akkuża ta’ misapproprijazzjoni.
Lura fl-2015 huwa nstab ħati li waqt li kien fuq liberta provizorja, waqt li kien qed jappella għal sentenza ta’ disgħa snin ħabs għall-każ serju ta’ frodi ieħor, pprova jixtri Rolex b’ cheque misruq u b’ firma falsa. Fiż-żmien li qatta l-ħabs huwa nqabad jipprova jikkonvinċi ħabib isellfu €3,400 biex jgħinu fl-ispejjez ta’ operazzjoni fittizja- ta’ dan Buttigieg żdiedulu tletin xahar ħabs.