Tlett irġiel li jaħdmu f’bar f’San Pawl il-Baħar weħlu bejniethom madwar tmien snin ħabs u wara se jintbagħtu lura f’pajjiżhom, wara li nstabu ħatja li sawtu Afrikan.
Il-każ imur lura għal sentejn ilu, meta Bulgaru ta’ 33 sena, Ukren ta’ 31 sena u Serb ta’ 26 sena sawtu lil dan ir-raġel, mhux minħabba r-razza tiegħu, iżda għaliex l-akkużati raw li r-raġel huwa fraġli.
Fil-Qorti, il-vittma xehed li huwa mar fi stabbiliment ma’ sħabu u t-tfajla, u ma rax lit-tfajla ħdejh u telaq ifittixiha.
Xehed li huwa raha id f’id ma’ wieħed mill-akkużati.
Il-vittma qal li huwa staqsih għaliex qed jagħmillu hekk u l-akkużat sabbtu mal-ħajt.
Hawnhekk il-vittma qal li tefgħuh ’il barra u wieħed minnhom darbu b’sikkina, waqt li wieħed minnhom qabdu minn għonqu.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech qalet kif il-filmati tas-sigurtà kienu importanti għall-investigazzjonijiet waqt li qalet li t-tliet akkużat ma kellhom ebda raġuni li jinfexxu fl-akkużat għax rawh dgħajjef.