Ekele Orogodo ta’ 28 sena min-Niġerja tressaq il-Qorti b’akkużi li fost l-oħrajn għajjar uffiċjali tal-pulizija, heddidhom u li kiser il-paċi pubblika.
Il-każ ġara fl-ewwel tas-sena wara nofsinhar meta l-akkużat kien xurban fi triq fil-Marsa u nqabad mill-pulizija jagħmel il-bżonnijiet tiegħu barra. Meta kien imwiddeb huwa beda jobżoq u jgħajjar il-pulizija.
Il-Qorti għal mument ma laqgħetx l-ammissjoni tal-imputat hekk kif deher mhux jifhem dak li beda jingħad lilu mill-Qorti.
Is-seduta għalhekk ġiet posposta.
Wara posponiment qasir huwa reġa’ ammetta fil-Qorti.
Il-Qorti ordnat xahar priġunerija u 800 ewro multa. Il-multa tinbidel fi żmien ta’ priġunerija jekk din ma titħallasx fi żmien tliet ġimgħat.