Raġel li allegatament kien jonfoq sebat elef ewro fix-xahar fuq id-droga kokaina, ingħata sentenza ta’ priġunerija u ġie ordnat jagħmel programm ta’ rijabilitazzjoni, wara li ammetta li wettaq serqa vjolenti minn ħanut tal-merċa fil-Gżira.
Wyatt Zammit, ta’ sebgħa u tletin sena minn Santa Luċija, ġie akkużat b’serq aggravat bi vjolenza, u li żamm kontra l-volontà tagħha l-kaxxiera tal-ħanut u kkawżalha biża’ li tintuża l-vjolenza fuqha.
Hu kien akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest imposti fuqu f’Lulju ta’ din is-sena, meta tressaq b’akkużi separati.
Fil-Qorti ġie spjegat li jumejn ilu, il-Pulizija ġie informata b’hold-up fil-ħanut inkwistjoni.
Mill-imsemmi ħanut, il-Pulizija ġabru filmati mill-kameras tas-sigurtà, fejn ġie identifikat is-suspettat, u sussegwentament arrestat ilbieraħ.
Huwa mifhum li l-mottiv wara s-serqa kien biex l-imputat jiffinanzja l-vizzju tad-droga, li skont sorsi li tkellmu mal-MaltaToday, ilaħħaq is-sebat elef ewro fix-xahar.
Zammit, li ma jaħdimx, ammetta l-akkużi kontrih.
Il-Qorti tatu sentenza ta’ sentejn ħabs u multa ta’ ħames mitt ewro.
L-imputat tpoġġa taħt ordni ta’ trattament ta’ tliet snin, u ġie ordnat jirritorna l-flus li seraq fi żmien sitt xhur.