Maltija ta’ 34 sena, Anna Maria Jimenez, kienet ikkundannata erba’ snin ħabs b’rabta ma’ qligħ minn prostituzzjoni. Dan il-qligħ kienet qed tagħmlu billi ‘tħaddem’ tifla ta’ 15-il sena. Jimenez ma nstabitx ħatja li kkorrompiet lit-tfajla u li kienet tipparteċipa f’attivitajiet sesswali magħha.
Dan il-każ imur lura għal Ġunju tal-2008. Mill-investigazzjoni tal-Pulizija u l-ħaddiema tal-Aġenzija appoġġ irriżulta li t-tifla kienet qed tgħix waħedha fid-dar ta’ Jimenez. Meta l-Pulizija għamlu tfittxija fid-dar, l-akkużata kienet qalet lill-Pulizija li kienet qed tieħu l-irġiel fl-istess dar biex ikollhom x’jaqsmu mat-tfajla ta’ 15-il sena. Il-Maltija ta’ 34 sena, kienet ammettiet ukoll li kienet qed terfa’ idejha fuq it-tifla li kienet qed tħaddem fil-prostituzzjoni, b’ċintorin, bi spalliera u anke b’idejha. Kien hemm każijiet fejn it-tifla soffriet minn ġrieħi kawża tas-swat.
Minn testijiet li saru fuq il-vittma, jirriżulta li t-tifla saħansitra kellha infezzjoni li tkun ikkawżata minn mard trasmess sesswalment. Anna Maria Jimenez flimkien ma ommha, kienu jheddu lit-tifla ta’ 15-il sena li jekk tikxifhom u Jimenez tispiċċa l-ħabs, hi kienet se tispiċċa f’qabar.
Ix-xhieda ta’ l-Ispettur Josephine Gauci, tgħid li t-tifla kienet qed tħossha bħal skjava u li kienet imċaħħda minn affarijiet bażiċi bħal ħwejjeġ.
L-Ispettur spjegat li t-tifla kienet qaltilha li kienet tiltaqa’ ma rġiel anzjani u anke barranin u li kien ikollha x’taqsam sesswalment magħhom fid-dar tal-akkużata u saħansitra f’karozzi lejn it-Torri ta’ San Luċjan. It-tifla rrakontat li ommha u Jimenez kellhom relazzjoni u meta ommha bdiet relazzjoni ma’ raġel, iddeċidiet li tmur toqgħod magħha.
Il-Qorti qalet li t-tifla ma ngħatatx trobbija adegwata u li l-omm kienet konxja li qed tħalli lit-tifla tagħha tgħix ma’ mara li kienet involuta fil-prostituzzjoni.
Il-Qorti nnotat li t-tifla għal bidu ma kienetx qed tiddejjaq tagħti dan is-servizz hekk kif kien qed ikollha l-flus, iżda l-affarijiet inbidlu wara argument li kellha mal-imputata.
L-imputata kienet ikkundannata b’piena effettiva ta’ ħabs, 3,600 fi spejjeż tal-Qorti u isimha jitniżżel fir-reġistru tal-pedofli.