Anzjan ta’ sebgħin sena ntbagħat sena ħabs wara li nstab ħati li darab gravi żagħżugħ meta tah daqqiet ta’ mus.
Il-każ seħħ fi Frar ta’ ħdax-il sena ilu meta Grezzju Gauci, dak iż-żmien kellu 59 sena kien involut f’argument ma’ sieħeb il-vittma f’Paceville.
Il-vittma, Gilbert Spiteri kien resaq lejn Gauci u qallu biex ma jkompliex jagħti bis-sieq bla ħniena lil sieħbu. Kien hawn li l-akkużat talbu biex ma jindaħalx iżda imbagħad kif il-vittma mar jara x’ġaralu sieħbu, Gauci attakkah b’mus.
Spiteri qala’ numru ta’ daqqiet ta’ mus fosthom tlieta f’sidru u oħra f’idu x-xellugija. Filwaqt li l-akkuża ta’ attentat ta’ qtil waqgħet, Gauci nstab ħati li darab gravi lil Spiteri u kien għalhekk li ngħata sentenza effettiva ta’ priġunerija.