Justin Zahra u Wayne Pisani, it-tnejn li huma għandhom erbgħa u tletin sena, ingħataw sentenza ta’ ħabs, wara li fil-Qorti ammettew li kellhom fil-pussess tagħhom droga li kienet intenzjonata biex tiġi traffikata.
Fi tfittxijiet li għamlet il-pulizija lura fl-elfejn u disgħa, fl-appartament tal-imputati nstabu tnax-il pakkett kokaina, tmienja u erbgħin pillola ecstasy u kilogramma ta’ droga kannabis.
Fil-bidu tal-ġuri ż-żewġ imputati ammettew għall-akkużi miġjuba kontrihom.
Waqt l-għoti tas-sentenza, l-Imħallef Giovanni Griscti nnota wkoll li huwa qed jaqta’ s-sentenza abbażi tal-ammissjoni tal-imputati u nnota kif iż-żewġ akkużati kienu għamlu stqarrijiet li jinkriminawhom mingħajr ma kellhom għajnuna legali waqt li taw stqarrija lill-pulizija.
L-Imħallef ikkundanna lil Pisani għal tliet snin ħabs u lil Zahra għal tliet snin u sitt xhur ħabs.
Għal Zahra dehru l-Avukati Dean Hili u Veronique Dalli filwaqt li Pisani kellu lil Kathleen Calleja tirrappreżentah.