Andrea Marcozzi ġie ikkundannat sitt snin u sitt xhur ħabs wara li daħħal Malta b’sitta u sittin kapsola mimlija droga fl-istonku.
It-Taljan, kien irnexxielu jipporga tmintax-il kapsola fil-lukanda fejn kien qed joqgħod imma ma setax jipporga l-bqija li kellu fl-istonku.
Il-każ seħħ f’Marzu tal-elfejn u ħdax meta t-Taljan beda jħoss uġigħ kbir fi msarnu, fejn mar ifittex l-għajnuna fl-Isptar St James f’tas-Sliema.
Kien hawn li sar X-ray fejn irriżulta li fl-istonku kellu tmienja u erbgħin kapsola bid-droga.
Kien għalhekk li l-isptar informa lill-Pulizija.
Mill-investigazzjoni tal-Pulizija rriżulta li s-66 kapsola kien hemm fihom aktar minn sitt mija u ħamsin gramma kokaina
Għal din il-biċċa xogħol Marcozzi kien se jitħallas elfejn u ħames mitt ewro mingħand il-persuna li kienet Malta u li għaliha kienet indirizzata d-droga.
Qabel kellu jgħaddi ġuri, it-Taljan għażel li jammetti bl-Imħallef Consuelo Scerri Herrera tordnali wkoll iħallas multa ta’ sebat elef ewro.