Baskal Saliba, ħaddiem fil-qasam tal-kostruzzjoni, intbagħat sentejn ħabs effettivi f’sentenza li fiha l-Qorti ta’ Għawdex saħqet dwar is-sigurtà fuq il-post tax-xogħol kif ukoll dwar kif il-permessi tal-Kunsilli Lokali m’għandhomx ikunu formalità. Saliba instab ħati li b’negliġenza kkawża mewt u l-każ imur lura għall-2007.
Dettalji mis-sentenza dwar kif seħħ il-każ
“Nhar is-Sibt 6 ta’ Ottubru tas-sena 2007 l-imputat li dak iż-żmien kien jaħdem fil-kostruzzjoni rama crane ġewwa Triq Għajn Qatet fir-Rabat, Għawdex. Dan għamlu mingħajr il-permessi neċessarji tal-Kunsill Lokali tar-Rabat, Għawdex.
Ftit sighat wara, għall-ħabta 04.40am tal-għada l-Ħadd 7 ta’ Ottubru, Sammy Spiteri ta’ 23 sena għadda minn dik it-triq bil-vettura Mitsubishi Lancer bin-numru ta’ registrazzjoni EAW-599 u ħabat mal-crane b’ċerta veloċitá tant li bl-impatt l-istess crane żbilanċja mill-ippustjar tiegħu u nqaleb fuq il-ġenb tal-lemin tiegħu u diversi blokki tal-konkos li kienu qed iservu ta’ kontra-piż inqalbu u sfrondaw is-saqaf tal-vettura msemmija u għafġu lil Sammy Spiteri li tilef ħajtu konsegwenza ta’ hekk.
Il-kawża tal-mewt ta’ Sammy Spiteri ġiet stabbilitá mill-patoloġisti maħtura fl-istess inkjesta bħala “Laceration lung (left) – Crush Injury”.
Deċiżjoni tal-Qorti
Meta ġiet għad-deċiżjoni l-qorti nnotat li l-Qorti qalet li l-imputat ma kellux permess biex jarma crane fejn waqqfu, bir-rispett lejn il-mentalità dilettanteska tiegħu din mhix sempliċi formalità u dan juri n-nuqqas ta’ għaqal tal-imputat li jippretendi li hu ’l fuq mill-liġi.
“Il-Qorti taqbel mal-konklużjonijiet tal-Inġinier David Abela li juru li n-negliġenza tal-imputat hija waħda grossolana,” kompla jingħad fis-sentenza tal-Maġistrat Joe Mifsud fejn intqal li n-negligenza tal-imputat hija manifestata.