Raġel li attakka pulizija fil-bini tal-Qorti ntbagħat sitt xhur ħabs u kien immultat €4,000. Il-Qorti għal darb’oħra għamlitha ċara fis-sentenza tagħha li uffiċjali fdati bl-infurzar tal-ordni pubblika għandhom ikunu protetti. Antonio Briffa nstab ħati li attakka pulizija u fis-sentenza tagħha l-Qorti nnotat kif dan hu każ tal-ikbar serjetà.
“Ħadd ma huwa skużat – tkun xi tkun ir-raġuni – li jhedded lil xi uffiċjal tal-pulizija, jew xi uffiċjal ieħor inkarigat mill-infurzar jew li b’ xi mod iweġġgħu,” iddikjara l-Maġistrat Joe Mifsud fis-sentenza tiegħu.
Intqal li ordni tal-pulizija jew ta’ persuna nkarigata mill-infurzar tal-ordni pubbliku ghandha tkun obduta mil-ewwel. “Dan ir-rispett għandu jidher b’ mod l-aktar ċar u enfatiku f’ sitwazzjonijiet fejn tkun daħlet imqar naqra tensjoni kif ġara f’dan il-każ,” qalet il-qorti.
Kompla jkun innotat kif dan l-inċident seħħ fil-bini tal-Qorti u allura aktar serju. “Il-Qorti tappella li meta jiġru inċidenti bħal dawn għandu jkun hemm intervent immedjat mill-Marixxalli tal-Qorti u l-Pulizija, u mhux inċident jitħalla jikber kif seħħ f’dan il-każ fejn anke uffiċjali tal-pulizija sofrew ġrieħi ħfief,” intqal fis-sentenza fejn kien innotat kif qed ikun hemm wisq okkażjonijiet ta’ dan it-tip.
“Il-Qorti ma tridx persuni nkarigati mill-infurzar tal-liġi jiddemoralizzaw ruħhom. Dan għaliex mhux dejjem isibu l-appoġġ mixtieq għall-ħidma taghhom, jekk ma jispiċċawx ukoll huma stess mgħoddija proċess popolari għax iwettqu d-dmirijiet taghhom,” kompliet tgħid is-sentenza.