Għalliema ta’ 34 sena ġiet ikkundannata ħames snin ħabs wara li l-Qorti sabitha ħatja li f’Mejju 2011 tajret żewġ aħwa anzjani f’Ħ’Attard. Il-Qorti qalet li l-mara qatlet wieħed mill-aħwa b’mod involontarju.
L-għalliema kienet qed issuq lejn ir-Rabat, biex tmur lura d-dara wara x-xogħol tagħha meta kienet għaddejja minn Triq l-Imdina, it-triq li fiha sar dan l-inċident. Dorianne Camilleri nstabet ħatja bil-qtil ta’ Alfred Zahra residenti mill-Imsida filwaqt li kkawżat ġrieħi gravi fuq oħtu, Carmela Zahra.
Fi smigħ ta’ dan il-każ, il-Qorti kkunsidrat li Dorianne kienet l-unika xhud ta’ dan l-inċident hekk kif ir-raġel miet jumejn wara filwaqt li wara l-inċident u oħtu ma tiftakarx x’ġara hekk kif baqgħet b’diżabbilta.
Iżda x-xhieda ta’ Camilleri ma kkonvinċietx lil Qorti, hekk kif qalet li ma emmnitx li Camilleri kienet qed issuq bil-ħamsin abbażi tat-traffiku li ddeskriviet u l-ħsara fil-karozza hekk kif ir-raġel li ttajjar tkaxkar fuq quddiem u faqa’ l-ħġieġa filwaqt li kompla jitkaxkar fuq is-saqaf. Iżda l-Qorti qablet mal-verżjoni tal-mara li qalet li ż-żewġ aħwa ma qasmux mis-centre strip li kien hemm fil-viċin iżda mill-bankina, li l-għalliema stqarret li kien ta’ xokk għaliha meta sabet iż-żewġ anzjani jaqsmu ftit ‘il bogħod mill-pelican crossing.
Il-Qorti qalet li l-uniku piena li tista’ tagħti lil mara ta’ 34 sena hija dik ta’ priġunerija effettiva iżda fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti kkunsidrat li Camilleri għandha kondotta nadifa u li qed tbati psikoloġikament wara dan l-inċident u għalhekk hija ngħatat piena viċin il-minimu.
Filwaqt li weħlet ħames snin ħabs, il-liċenzja tas-sewqan tagħha ġiet sospenduta għal ħames snin u ġiet ordnata tħallas €2,400 fi spejjeż tal-Qorti.