Erba’ immigranti li kienu qegħdin jgħixu fiċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far ġew ikkundannati 24 xahar ħabs bejniethom wara li wieġbu ħatja li daħlu f’Malta b’dokumenti foloz. L-irġiel, Mudthen Harounosman, Tageldeen Muse Abduhaira, Abdalla Nadi Abdalla Atwa u Abdul Raham inqabdu mill-pulizija bejn il-Ħadd u Tnejn b’dokumenti li rriżulta li kienu ffalsifikati.
F’erba’ sentenzi separati, il-Maġistrat Joe Mifsud qal li l-Qorti taqbel mal-Prosekuzzjoni li ma tistax tagħlaq għajnejha għall-fatt li f’dawn il-każijiet inkisru l-Liġijiet tal-Immigrazzjoni ta’ pajjiżna. Qal li l-Qorti ma tistax l-anqas tinsa’ li dan it-tip ta’ reat sar ħafna iktar komuni tant li sar fenomenu kostanti. Saħaq li mhux aċċettabbli li persuni jkomplu jidħlu jew joħorġu minn Malta b’dokumenti foloz fejn jippruvaw iqarrqu bl-Awtoritajiet Maltin u barrain.
Il-Maġistrat Mifsud sostna li dawn ir-reati jistgħu jimminaw anke s-sigurtà tal-pajjiż u saħaq li l-Istat Malti għandu jkollu interess qawwi li jkun jaf l-identità vera ta’ min ikun dieħel fil-pajjiż. Dan partikolarment fi żminijiet ta’ taqlib, kunflitti u terroriżmu li diversi partijiet tad-dinja, inkluż dawk qrib Malta, li jinsabu għaddejjin minnhom jew mhedda bihom. Qal li l-esperjenzi ta’ pajjiżi oħra inkluż Ewropej li seħħew dan l-aħħar, għandhom jiftħu għajnejn kulħadd għar-riskji serji li tali fenomenu ta’ immigrazzjoni illegali b’dokumenti foloz jista’ jġib miegħu għan-nies innoċenti.