Kien jgħix għall-Festa tas-Salvatur u proprju kien f’din il-Knisja ta’ Ħal Lija, li ngħatatlu l-aħħar tislima. Salvu Muscat, missier l-eks Prim Ministru ta’ Malta u Mexxej Laburista Joseph Muscat.
L-aħħar sentejn u nofs għaddihom f’taqbida ma’ marda li ħasditu. Baqa’ jiġġieldilha sal-aħħar. Ma qatax qalbu.
Ħadem għall-familja u għożż il-bżulija, ħawtiel, bl-akbar valur għalih kien l-edukazzjoni. Minn dejjem, ħaddan il-valuri Nsara u għaddihom lil ta’ madwaru. Min kien jafu ddeskrivih li dejjem għamel il-ġid u mhux id-deni lil għajru. Kien dejjem iseffaq wiċċu għal ħaddieħor, imma qatt għalih.
Kien involut fil-festi. Kien ta’ għajnuna għal kulħadd, speċjalment dawk fil-qasam pirotekniku. Metikoluż u għalkemm kien jibża’ min-nar, il-logħob tan-nar kien il-mimmi t’għajnejh.
Kien jgħożż l-annimali. Kellu għal qalbu l-għasafar u l-klieb, fosthom il-‘Ħabiba’, li baqgħet miegħu sal-aħħar nifs li ħa. Kien jadura lill-familja ta’ ibnu, speċjalment iż-żewġ neputijiet Etoile u Soleil u ommhom Michelle. Etoile xehdet mal-miġemgħa, l-altruwiżmu u l-imħabba lejn ħaddieħor li nannuha kien iħaddan.
Qalet, “Sirna nafu li meta kien żagħżugħ, in-nannu Salvu kien mar ineħħi bomba żgħira minn idejn tifel li kien sabha u kien qed jilgħab biha, għax beża’ li t-tifel kien se jweġġa’. Kif neħħiha minn idejn it-tifel, splodiet. It-tifel ma ġralu xejn, iżda n-nannu tilef is-swaba’. Ara taħsbu li kien irrabjat għal dan it-tifel. Anzi, kull darba li kienu jiltaqgħu, kienu jifirħu b’xulxin. In-nannu, tant kemm kien pożittiv, kien jgħidilna li bis-saħħa ta’ dak l-inċident kien tgħallem jikteb anke b’idejh ix-xellugija waqt li kien l-Isptar, għax ħaseb li ma setax jikteb aktar bil-lemin.”
Għal din l-aħħar tislima lil Salvu Muscat attendew hemm l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, fosthom il-President tar-Repubblika Myriam Spiteri Debono u żewġha Anthony, il-Prim Ministru Robert Abela u martu Lydia u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, fost persuni distinti oħrajn.
Fl-omelija tiegħu, il-ħabib tal-qalb ta’ Salvu Muscat, Dun Ġużepp Borg, semma, fost l-oħrajn il-qalb kbira li kellu Salvu Muscat, l-imħabba li kellu għal familtu u l-ħidma bi sħiħ favur il-ġust u s-sewwa.
Qal, “Salvu, għalkemm ma daqq l-ebda trombi, però Salvu kien raġel umli. Kien raġel qalbu tajba, kien raġel li jinteressa ruħu, speċjalment fix-xogħol tal-ħaddiema tan-nar. Kien jiddispjaċih meta jisma’ b’diżgrazzji.”
Salvu Muscat se jibqa’ mfakkar għal-legat ta’ altruwiżmu u mħabba lejn ħaddieħor, valuri li ħalla mnaqqxin kemm f’ibnu u l-familja tiegħu, kif ukoll dawk kollha qribu fil-festi u fil-qasam tal-logħob tan-nar.