Ħbiberija li tmur lura aktar minn deċenju bejn il-mibki konsulent tat-tfal, it-tabib Victor Calvagna, u sieħbu Mark Galea, se tiġi miġbura fi ktieb ġdid mimli ritratti, bl-isem ta’ “Victor You Are An Ironman”.
Il-konsulent tal-pedjatrija ħalla din id-dinja fir-raba’ jum ta’ din is-sena fl-għomor ta’ tlieta u sittin sena, wara li ntlaqat minn karozza waqt li kien qed jiġri fil-Qawra ġimgħa qabel.
L-isport u l-ġiri kienu parti kbira mill-ħajja tat-tabib, u anki ta’ sieħbu Mark, li kienu jagħmlu ħafna avventuri sportivi flimkien.
Qal, “L-idea hija wkoll li nesponi parti mill-ħajja ta’ Victor li forsi ftit nies apparti l-komunità sportiva li konna nkunu flimkien, jafu biha jiġifieri Victor, ħafna nies jafuh bħala bniedem mediku, it-tabib li fejjaq lit-tifel jew lilhom stess, so l-idea hija li nħalli legat għaż-żmien li ġej biex nibqgħu niftakruh kif suppost.”
Mark huwa dilettant tal-fotografija, u ftit wara li tilef lil sieħbu, irrealizza li għandu ħafna memorji mat-tabib u xtaq joħloq inizjattiva biex filwaqt li jaqsam dawn ir-ritratti mal-pubbliku, jiġbor ukoll flus għal Puttinu Cares.
Ma’ ONE News, qasam memorja dwar ritratt partikolari li ħadlu fl-aħħar tellieqa li għamlu flimkien.
Qal, “Kien qalli stenna, hawn xi ħadd ħa teħodli ritratt miegħu. Għall-ewwel ħsibtu xi student peress li hu kien jgħallem l-Università però mbagħad irriżulta li dak il-persuna meta kien għadu żgħir, Victor kien fejqu. Għall-ewwel darba jien rajt lil Victor, qatt ma smajtu jiftaħar, imma rajtu jieħu pjaċir jara lil xi ħadd itellaq miegħu f’tellieqa li snin qabel, kien qiegħed marid bil-lukimja li hija marda qerrieda.”
Mark qalilna li l-attivitajiet li kien jagħmel ma’ Victor, għadu jagħmilhom illum u għalhekk żgur li qatt ma jista’ jinsih.
Bl-istess mod jixtieq li b’dan il-ktieb, in-nies li tant kienu jħobbu lit-tabib, isiru jafuh minn lenti personali.
Qal, “Victor, aħna niftakru fih kuljum, nitkellmu fuqu l-ħin kollu. Meta nkunu qed nagħmlu xi attivitajiet jew inkunu f’xi telgħa, kulħadd jgħid, minjaf kieku hawn Victor kemm jinkina u jimbotta, jiġifieri Victor aħna ma nistgħux ninsewh.” Il-qligħ kollu mill-bejgħ ta’ dan il-ktieb se jmur għal Puttinu Cares u biex wieħed jirriserva kopja, jista’ jibgħat e-mail fuq victorsportsjourney@gmail.com.