Il-Qorti tal-Appell ta’ Milan, ikkundannat lill-politiku Taljan Roberto Formigoni, ħabib kbir tal-Partit Nazzjonalista sebgħa snin u nofs ħabs dwar skandlu ta’ korruzzjoni li kienet involuta fih il-Fondazzjoni Maugeri.
Fil-fatt il-qorti laqgħet l-appell tal-Prosekuturi biex iżżid is-sentenza ta’ ħabs minn sitt snin għal sebgħa snin u nofs għal Formigoni.
L-eks Gvernatur Taljan kien instab ħati ta’ korruzzjoni b’rabta ma’ ċentru tas-saħħa f’Pavia speċjalizzat fir-rijabilitazzjoni.
Is-Senatur insab ħati li ffavorixxa lill-Fondazzjoni Maugeri meta kien gvernatur bejn l-1995 u l-2012. L-investigazzjoni sabet li l-Fondazzjoni ħallset lil Formigoni btajjel barra l-pajjiż, l-użu esklussiv ta’ tliet jottijiet, somom kbar ta’ flus fuq bażi regolari, ikliet lussużi u x-xiri ta’ villa f’Sardenja.
Il-Prosekuturi qalu li bejn l-1997 u l-2011, il-Fondazzjoni Maugeri ħallset mal-€61 lin-negozjant Pierangelo Dacca, ħabib ta’ Formigoni, u lill-eks kunsillier reġjonali Antonio Simone għall-benefiċċju tas-Senatur.
F’parti oħra tal-investigazzjoni, jingħad li bejn l-2005 u l-2006, l-Isptar San Raffaele ta’ Milan ħallas mad-€9 miljun aktar lil Dacco u lil Simone biex ikunu jistgħu jagħtu lill-gvernatur benefiċċji li jlaħħqu total ta’ €8 miljun.
Min-naħa l-oħra, il-Gvernatur Taljan għadda lill-Fondazzjoni Maugeri aktar minn €200 miljun f’rifużjoni fuq servizz tas-saħħa.
Fl-2012, il-Fondazzjoni Maugeri u s-Senatur Taljan kienu fl-aħbarijiet wara li fl-investigazzjoni li kienet qed issir dwar ħasil ta’ flus f’Milan, issemmiet Malta.
Skont l-investigazzjonijiet f’Milan, il-Fondazzjoni Maugeri kienet qed tuża għadd ta’ kumpanija f’Malta għall-ħasil ta’ flus.
Waħda mill-kumpaniji involuti kienet l-SIB Limited u skont l-istess allegazzjoni kellha arranġamenti mal-Università ta’ Malta, il-Malta Enterprise u anke l-Isptar Mater Dei. Is-Segretarju tal-kumpaniji li allegatament kienet involuta f’dan il-każ kien l-Avukat David Gonzi, iben l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi.
Meta ħareġ ismu fil-midja, Dr Gonzi qal li hu ma kienx id-direttur ta’ din il-kumpanija. Qal li kien tqabbad minn ditta ta’ avukati biex jipprovdi servizzi ta’ segretarju għal bosta kumpaniji fosthom is-SIB Limtied. Huwa kien ċaħad li b’xi mod kien jaf b’xi aġir illeċitu.