• Storja ta’ Maltija li żżewġet Sirjan li kien diġa’ miżżewweġ is-Sirja
Maltija li żżewġet Sirjan irrakkontat fil-Qorti kif wara li fl-2001 iżżewġet Sirjan spiċċat abbandunata minnu għaliex qalilha li l-kultura ta’ pajjiżu kienet tgħid mod ieħor.
Dan anke jekk sakemm iżżewġu u kien kiseb il-permessi ta’ residenza meħtieġa kien jistma b’mod differenti ħafna. Il-koppja żżewġu meta hi kellha 21 sena u hu 31 sena. Dan sena wara li ltaqgħu f’bar Paceville meta r-raġel kien qed jistirieħ wara jum ħidma bħala kaħħal u bajjad.
“Kien juri ħafna rispett u konna niltaqgħu ta’ spiss wara x-xogħol tiegħu,” irrakkontat il-mara tul ix-xhieda tagħhha qabel imbagħad għaddiet biex tgħid x’wassal għaż-żwieġ.
“Wara sena noħorġu flimkien l-konvenut qalli li kien qiegħed jkollu problemi bil-permess ta’ residenza u għalhekk iddeċidejna li niżżewġu fir-Reġistru Pubbliku. Pero’ ladarba żżewwiġna u morna noqgħodu f’post tal-kiri l-konvenut biddel kompletament l-atteġġjament tiegħu fil-konfront tiegħi. Huwa beda joħroġ waħdu mal-ħbieb tiegħu u kien beda jirritorna lura d-dar ħafna drabi fi stat ta’ sakra fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu,” qalet il-mara li fissret kif meta provat tkellmu.
Qalet li meta kienet tipprova tkellmu kien jgħidilha li l-kultura tagħhom hi hekk u postha huwa d-dar, sakemm imbagħad saret taf li fis-Sirja kien diġa’ miżżewweġ u kellu tliet itfal.
“Jiena kont ħadt xokk kbir għaliex qatt ma’ kien qalli li kien diga’ miżżewweg lil persuna oħra. Meta kont ikkonfrontajtu b’dak li kont sirt naf bih il-konvenut ammetta miegħi u qalli li f’pajjiżu seta’ jiżżewweġ nisa kemm jrid. Jiena minn hemmhekk `il quddiem bridt fil-konfront tiegħu u ddecidejt li nitlaq mid-dar matrimonjali u mort ngħix ma’ ommi,” qalet il-mara fil-qorti li minn naħa tagħha ddikjarat is-separazzjoni li talbet il-mara.