Illum tingħata l-aħħar tislima lill-Monsinjur Pawlu Cremona, bil-quddiesa præsente cadavere fid-disgħa u nofs ta’ filgħodu.
Preżenti se jkun hemm l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, fosthom il-President Myriam Spiteri Debono u l-Prim Ministru Robert Abela. Din l-aħħar tislima se tkun ikkonċelebrata wkoll mill-Arċisqof.
Wara l-quddiesa jsir korteo funebri mill-Kon-Katidral ta’ San Ġwann għal Triq ir-Repubblika, sad-daħla tal-Belt Valletta.
Mid-daħla tal-Belt Valletta ’l quddiem, il-funeral ikompli fil-privat, fejn il-ġisem tal-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona jittieħed fil-Knisja tal-Madonna tal-Għar u ta’ San Duminku, fir-Rabat, fejn issir id-difna. Għall-aħħar darba, jindaqqu l-qniepen fi transitu mill-knejjes kollha ta’ Malta.
Il-Gvern u l-Kurja ħabbru li, matul il-jum tas-Sibt, il-bnadar fuq il-binjiet pubbliċi u dawk ekkleżjastiċi se jkunu qed jittajru mezz’asta.
Ta’ min anke jinnota li, għall-aħħar tislima, ma ħarġet l-ebda stedina uffiċjali biex b’hekk kulħadd jista’ jidħol fil-Katidral li jesa’ mal-500 persuna.
Minn kmieni filgħodu s-Sibt, ONE se jkun qed iwassal xandira speċjali li tibda siegħa qabel il-funeral, fit-tmienja u nofs, b’mistednin speċjali li lkoll se jirrakkontaw u jfakkru l-memorja ta’ Monsinjur Pawlu Cremona.
Il-programm se jkun ippreżentat minn Antoinette Falzon.