L-identità ta’ raġel li allegatament daħal jisraq f’garaxx f’ San Pawl il-baħar, malajr kienet stabbilita meta l-vittma ħabat miegħu fl-għassa tal-pulizija nofs siegħa wara.
Fil-Qorti l-vittma, Mario Salerno, xehed kif dakinhar tal-inċident, lura f’ Lulju tal-elfejn u erbatax, l-akkużat Clinton Dalton daħallu fil-garaxx, li kellu l-bieb imbexxaq u seraq basket li kellu €350 fih.
Salerno rrakkonta kif minkejja li ma rnexxilux jaqbdu dak il-ħin, meta mar jagħmel ir-rapport l-għassa ħabat f’ Dalton, li kien qiegħed hemm jiffirma, għarfu u rrapurtah lill-pulizija. Il-Maġistrat Bugeja stqarr li x-xhieda tal-vittma kienet dettaljata, konsistenti u kredibbli u nnota li Dalton kien diġa nstab ħati f’ okkażjonijiet preċedenti u li ma ħax l-opportunita jirriforma ruħu għalhekk tah sentenza ta’ sena ħabs u ordnalu li jirritorna lura l-flus li seraq.
Madanakollu, l-istess akkużat ma nstabx ħati li seraq appartament ieħor fil-Mellieħa minħabba n-nuqqas t’evidenza miġjuba mill-prosekuzzjoni.