Jiem ’il bogħod mill-Jum tal-Milied u l-bidu ta’ sena ġdida, bosta jkunu qed jaħsbu fuq x’se jsajru għal ikliet speċjali ma’ tal-familja jew il-ħbieb. Dawn il-ġranet huma sinonimi magħna l-Maltin u l-Għawdxin u ġeneralment jiġina f’moħħna li nagħmlu xi dundjan u ħlewwiet speċjali tal-okkażjoni.
Għalhekk bakkarna għand tal-laħam biex naraw u nipprovaw niskopru l-varjetà ta’ ikel li n-nies f’pajjiżna jkunu f’aptithom jew li jħobbu jsarju f’dawn iż-żminijiet speċjali.
Karmenu Schembri, sid il-ħanut, mas-sebgħa ta’ filgħodu kien diġà mela l-ħanut tiegħu fiż-Żurrieq bil-laħam frisk għall-ġurnata, għax malli jdoqqu t-tmienja n-nies jibdew ġejjin għax-xirjiet tagħhom.
Karmenu, li ilu f’dan ix-xogħol għal ħamsa u għoxrin sena, tenna magħna kif f’dawn l-aħħar snin ra tibdil sinifikanti fil-mod ta’ x’jixtru n-nies. Waħda mir-raġunijiet li tana kienet li, minħabba l-familji qed jiċkienu, in-nies qed jagħżlu aktar li jmorru għal ikliet iżgħar u bnini
“Bħal-lum in-nies iħobbu jvarjaw. L-iktar li jmorru huma l-laħam mimli, bħal majjal mimli, dundjan mimli, sriedaq mimlijin, fniek mimlijin.”
Il-familja ta’ Karmenu hi rinomata sew għall-industrija tal-fniek f’pajjiżna. Fil-fatt għandhom razzett b’elf fenka, xi ħaġa li aktarx tagħmilhom uniċi fil-produzzjoni tal-laħam tal-fenek.
Karmenu spjega li, bħala parti mill-mestier tagħhom, ħolqu riċetti differenti li jinkludu l-laħam tal-fenek.
“Aħna bdejna xi ħaġa u pprovajna nagħmlu xi ħaġa differenti snin twal ilu. Wara li bdejna bil-farm komplejna nipprovaw nevolvu biex nagħmlu xi ħaġa differenti u għamilna bosta affarijiet maż-żmien. Evolvejna ħafna fil-prodotti. Għamilna l-fenek mimli, pereżempju, li hu ideali bħal-lum. Nagħmlu z-zalzett tal-fenek, burgers tal-fenek, kebabs. Hemm min jieħdu minced u javventura hu bih. Niffilitjawh imbagħad dak li jkun…”.
ONE News staqsa wkoll lil Karmenu x’inhuma l-preparamenti għal dawn iż-żminijiet li jkunu ftit aktar bieżla minn żminijiet oħrajn u jekk jagħtux pariri siewja lin-nies dwar kif se jsarju l-ikel li jkunu xtraw.
Karmenu weġibna hekk…
“In-nies ma’ nofs Novembru jibdew jaħsbu, tiskanta, jiġifieri dak li jkun jibda jistaqsik x’jista’ jagħmel differenti. Ġieli jiġi xi ħadd u jgħidlek isma’ rrid l-istess ħaġa li kont ħadt is-sena ta’ qabel, pereżempju. Nibdew naqsmu l-ideat, in-nies jgħidu tagħhom u aħna ngħidu tagħna, huma jagħtuna l-ideat u aħna nagħtuhom l-ideat.”