“Ħa nkomplu nkunu t-tarka tagħkom fi żminijiet ta’ sfidi internazzjonali.” Dan kien messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela fir-Rabat, Għawdex, fl-aħħar attività politika fil-Gżira tat-Tliet Għoljiet f’din il-kampanja elettorali bit-tema ‘Is-Saħħa lill-Maltin’.
Hawnhekk tkellem dwar kif l-Erbgħa stess, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech ġie mistoqsi mill-ġurnalisti dwar il-kriżi tal-enerġija u, għal darb’oħra, reġa’ tenna li s-sussidji, li żammew il-prezzijiet stabbli għall-familji u n-negozji kollha f’pajjiżna, mhumiex sostenibbli.
“Lejliet elezzjoni jkollok il-Kap tal-Oppożizzjoni li jerġa’ jgħid illi s-sostenn ta’ mijiet ta’ miljuni li qegħdin nagħtu lilkom mhux sostenibbli. Li jfisser illi jekk tafdawh, dak il-piż tal-kontijiet jixħtu, jixħtu, jixħtu fuqkom. Magħna tafu fejn qegħdin. Aħna konna, għadna u se nibqgħu tarka tagħkom.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Minbarra s-sussidji tal-enerġija, il-Prim Ministru semma wkoll l-inizjattiva ‘Stabbiltà’, fejn jidħlu l-prezzijiet ta’ prodotti tal-ikel l-aktar essenzjali, li sa mill-inqas Ottubru li ġej mhux se jogħlew.
Dr Abela sostna kif Gvern Laburista ngħata l-fiduċja fl-aħħar snin hekk kif jaħdem biex pajjiżna jkollu ekonomija b’saħħitha u sostenibbli, biex b’hekk ikunu jistgħu jsiru bosta investimenti oħrajn.
Hawnhekk semma, fost oħrajn, iċ-Ċentru ġdid Akkwatiku f’Għawdex, li meta jinfetaħ se jkun qed jibdel il-kwalità tat-turisti li jiġu fil-gżira Għawdxija, id-Dar tal-Anzjani f’Għajnsielem, li ġiet inawgurata ftit ilu u l-proġett tal-Pjazza tas-Sannat.
Waqt li ħaddieħor jgħid li jrid “Għawdex blu”, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar il-potenzjal li għandha din il-gżira.
“Dak huwa meta wieħed verament ikollok Gvern li Għawdex verament ma jħarisx lejh bħala li jipprova jpinġi l-mappa tiegħu blu. Għawdex hu tagħkom l-Għawdxin, Għawdex hu dak li għalih għandna l-istrateġija reġjonali għal Għawdex. Għawdex gżira ta’ villaġġi”.
Il-Prim Ministru Robert Abela
Hu temm id-diskors tiegħu b’dan il-messaġġ.
“Mela nhar is-Sibt li ġej kunu warajja. L-għażla hi waħda ċara bejn Bernard Grech u Robert Abela. L-għażla f’idejkom, is-saħħa f’idejkom, is-saħħa lill-Għawdxin u is-saħħa lill-Maltin.”
Il-Prim Ministru Robert Abela