“Is-sitwazzjoni fi Pjazza San Pawl trid tinbidel, ilna naħdmu u nagħmlu rapporti u fl-aħħar jidher li ħa jibda jkun hemm azzjoni. Grazzi l-iskwadra ta’ kontra d-droga tax-xogħol tagħha. Ħa nibqgħu inkunu IEBSA sakemm il-Pjazza tkun post kif jixraq għall-Ħamruniżi speċjalment li qiegħda quddiem għassa tal-Pulizija.”
Dan kien kliem is-Sindku tal-Ħamrun, Christian Sammut, wara li dalgħodu Pulizija mill-iskwadra kontra d-droga għamlu tfittxija għall-għarrieda fl-imsemmija Pjazza li wasslet għall-arrest ta’ ħames irġiel Maltin li l-età tagħhom tvarja bejn id-19 u s-37 sena fuq allegat traffikar ta’ droga.
F’operazzjoni fil-Ħamrun il-Pulizija għamlu tfittxija fuq numru ta’ persuni li ġew meħlusa. ONE.COM.MT huwa infurmat li ta’ kuljum qed jitressqu rapporti lill-Pulizija dwar allegat pussess u traffikar ta’ droga f’din il-pjazza. Filfatt, mal-aħbar li qed issir din it-tfittxija mill-Pulizija kienu bosta li kkumentaw li huma kuntenti li ttieħdet din l-azzjoni mill-Pulizija hekk kif jemmnu li jeħtieġ aktar sorveljanza f’din iż-żona.
L-irġiel arrestati għadhom qed jinżammu mill-Pulizija biex issir l-investigazzjoni dwar l-allegat traffikar ta’ droga.