Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni tal-Proċessi Amministrattivi Julia Farrugia Portelli indirizzat il-konferenza Freedom is not negotiable organizzata mill-Cross Culture International Foundation. It-tema magħżula għal din il-konferenza kienet it-traffikar uman u għaliha attendew il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca, persuni mill-qasam tal-volontarjat Maltin u barranin u studenti tal-primarja flimkien mal-ġenituri tagħhom.
Fl-indirizz tagħha fil-bidu tal-konferenza, is-Segretarju Parlamentari Farrugia Portelli tkellmet dwar il-koperazzjoni meħtieġa bejn l-awtoritajiet u s-soċjetà ċivili fejn jidħlu l-vittmi ta’ traffikar uman. Semmiet kif ix-xogħol li jagħmlu l-għaqdiet volontarji jpoġġihom qrib ta’ persuni vulnerabbli li jkunu f’riskju li jiġu traffikati.
“Il-Gvern jikkonsidra s-soċjetà ċivili bħala partner u mhux bħala kompetitur fil-ġlieda kontra t-traffikar uman. Għandna oġġettiv komuni; il-prevenzjoni ta’ dan ir-reat li jmur kontra d-drittijiet fundamentali tal-bniedem”, qalet Farrugia Portelli. Fakkret li l-prevenzjoni hija l-aktar strument effettiv biex il-Gvern iżomm mal-impenn tiegħu li jagħti l-aqwa protezzjoni lil persuni vulnerabbli. Is-Segretarjat Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni ta’ Proċessi Amministrattivi qed jaħdem ma’ diversi oqsma, mis-soċjetà ċivili u sas-settur privat, sabiex pajjiżna jaħdem bis-serjetà dwar il-prevenzjoni ta’ din il-problema.
Fid-dawl ta’ dan, is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli elenkat il-progress li sar fil-ħidma tal-Gvern bħala parti mir-riforma dwar it-traffikar uman u l-prostituzzjoni. Semmiet l-għajnuna li ser tingħata lil organizzazzjoni indipendenti mill-Gvern sabiex jassistu vittmi li juru r-rieda li joħorġu mill-prostituzzjoni. Fl-istess waqt, jinsab fi stadju avvanzat ix-xogħol fuq kampanja edukattiva fuq bażi nazzjonali dwar it-traffikar uman. Din ser takkumpanja proċess ta’ konsultazzjoni pubblika maħsub li jwassal għall-ħolqien ta’ strateġija nazzjonali kontra t-traffikar uman.