Gzira United iddominaw bis-sħiħ u kisbu rebħa kbira ta’ 5-0 kontra Gudja United sabiex għaddew għar-round tas-16 tal-Meridianbet FA Trophy.
Il-Maroons fetħu l-iskor fit-12-il minuta meta wara li rċieva minn azzjoni ta’ corner, kien il-captain Gabriel Bohrer Mentz li venven xutt b’saħħtu li għeleb għal kollox lill-goalkeeper ta’ Gudja, James Pisani.
Fis-36 minuta, huma resqu viċin li jirdoppjaw l-iskor meta xutt fil-baxx ta’ Thiago Espindola, il-ballun ħabat ma’ Luca Macula li kellu t-tentattiv tiegħu jispiċċa ftit għoli.
Fit-tieni taqsima, Gzira baqgħu jipproduċu l-isbaħ logħob u fit-48 minuta resqu viċin it-tieni gowl, madankollu x-xutt b’saħħtu ta’ Gabriel Bohrer Mentz stampa mal-wieqfa, b’Gudja jeħilsuha ħafif.
Iżda huma ma kellhom xjiġu mċaħħda fis-57 minuta meta Lucas Macula b’xutt b’saħħtu minn pożizzjoni ideali tefa’ ġewwa.
Il-Maroons komplew jipproduċu l-isbaħ logħob u fit-72 minuta skorjaw it-tielet gowl permezz tas-sostitut Zachary Scerri, liema plejer kien ilu biss minuta fil-grawnd.
Fid-79 minuta, Gżira skorjaw ir-raba’ goal permezz ta’ freekick mill-isbaħ ta’ Gabriel Bohrer Mentz, sabiex minuta biss wara Lucas Macula b’xamma kbira għall-goal tefa’ ġewwa, biex b’hekk issiġilla r-rebħa kbira għall-Maroons, waqt li rreġistra doppjetta personali fil-partita.
Gzira komplew jamministraw il-vantaġġ komdu li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Ezekiel Barbara