Permezz ta’ wirja ta’ karattru, Gzira U. għelbu lil Zabbar SP bl-iskor ta’ 2-1, bit-tliet goals li huma jaslu fl-ewwel taqsima. B’hekk il-Maroons irritornaw għar-rebħ wara xejn inqas minn erba’ partiti konsekuttivi mingħajr rebħa – żewġ draws u żewg telfiet. Din kienet ir-raba’ rebħa fil-Closing Round, biex issa resqu punt wieħed biss bogħod mill-istess Zabbar fil-klassifika.
Zabbar kellhom xejn inqas minn ħames players sospiżi – Felix Wallace Bonilha, David Oliveira Souza, Strahinja Jovancic, il-goalkeeper veteran Justin Haber u l-iskorer prolifiku Kristian Keqi. Għalihom reġa’ mexxa lit-tim minn fuq il-bank għat-tieni partita konsekuttiva il-kowċ u eks plejer tagħhom, Fatos Daja, wara li l-kowċ Taljan Aniello Parisi qed jiskonta sospensjoni. Għalihom beda mal-ewwel 11 għall-ewwel darba matul dan l-istaġun, il-player Gianluca Zammit. Dan filwaqt li Gzira kellhom jgħaddu mingħajr is-servizz ta’ Shaquill Montell minħabba li kien ukoll sospiż.
Il-Maroons fetħu l-iskor proprju fl-ewwel periklu li ħolqu fil-ħames minuta meta minn azzjoni ta’ kontrattakk veloċi kien JACKSON MENDOZA li permezz ta’ xutt fil-baxx minn pożizzjoni ideali għeleb għal kollox lill-goalkeeper żagħżugħ ta’ Zabbar, Luca Camilleri, biex skorja l-ewwel goal tiegħu matul dan l-istaġun.
Iżda ż-Żabbarin ma rnewx ix-xugaman anzi wettqu reazzjoni mill-aqwa u meritatament ġabu l-iskor indaqs fit-28 minuta meta minn azzjoni ta’ corner, Joseph Minala tefa’ l-ballun fil-lasta tiegħu stess biex irriżulta auto-goal klassiku.
Gzira wieġbu fit-38 minuta, meta Jackson Mendoza kellu t-tentattiv tiegħu salvat tajjeb minn Camilleri. Huma komplew jippressaw u fit-42 minuta reġgħu marru fil-vantaġġ meta THIAGO ESPINDOLA venven xutt minn tarf il-kaxxa li ħasad għal kollox lil Camilleri.
Fit-tieni taqsima, Gżira baqgħu iktar dominanti u fis-57 minuta kien Thaylor Aldama li impenja lil Camilleri, b’dan idawwar tajjeb f’corner.
Huam komplew fuq l-offenisva u fit-78 minuta, xutt minn barra l-kaxxa tat-Taljan naturalizzat malti, Enrico Pepe, intemm barra għal Gżira.
Zabbar tefgħu kollox fuq l-attakk fit-tentattiv li jġibu l-iskor indaqs u fis-86 minuta, xutt ta’ Brian Ariel Gambarte sab lill-goalkeeper Taljan ta’ Gzira, Giulio Mangano attent.
Minkejja l-isforzi ta’ Zabbar, il-Maroons baqgħu jamministraw il-vantaġġ minimu li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Philip Farrugia
Plejer tal-Logħba: Jackson Mendoza (Gzira U.)