Kellu jkun goal uniku ta’ Thiago Espindola li ta t-tieni rebħa tal-istaġun lil Gzira United hekk kif huma għelbu lil Sirens bl-iskor minimu ta’ 1-0, bil-Maroons ifallu wkoll penalty u jispiċċaw jilagħbu b’10 players lejn l-aħħar tal-partita.
Kienu Sirens li ħarġu fuq l-offensiva u wara biss żewġ minuti, freekick b’saħħtu ta’ Kwasi Donsu ġie mdawwar f’corner b’diffikultá mill-goalkeeper Kroat tal-Maroons, Darijan Zarkov.
Gzira wieġbu fit-13-il minuta meta Adama Sane kellu xutt mill-viċin li għadda ftit għoli.
Huma komplew jippressaw u tliet minuti wara, Lucas Macula, avvanza tajjeb, għadda l-ballun għan-nofs, iżda ħadd mill-players sħabu m’għamel kuntatt mal-ballun, bid-difiża tat-team minn San Pawl il-Baħar tkun pronta u tikklerja l-ballun ‘il bogħod minn kull periklu.
Sirens wieġbu fit-23 minuta permezz ta’ xutt mid-distanza ta’ Mohammed Akkadom li iżda kien kemmxejn fraġli u ġie salvat mingħajr wisq diffikultá minn Zarkov.
Iżda kienu Gzira li resqu viċin li jiftħu l-iskor fl-34 minuta meta Lucas Macula kellu x-xutt mill-ewwel tiegħu li ġie salvat bi bravura mill-goalkeeper ta’ Sirens, Andrea Cassar.
Huma komplew jipproduċu l-isbaħ logħob u fit-43 minuta, Thiago Espindola, kellu xutt mill-ewwel fil-baxx kważi minn tarf il-kaxxa li ntemm ftit barra.
Gzira fetħu l-iskor fid-49 minuta, liema goal kellu jkun dak tar-rebħa, meta THIAGO ESPINDOLA daħal bħal vleġġa u minn qagħda ideali spara l-ballun fxxbka.
Sirens tefgħu kollox fuq l-offensiva fit-tentattiv ovvju li jġibu l-iskor indaqs u resqu viċin li jagħmlu dan mas-siegħa logħob, meta Charles Agyemang venven xutt mid-distanza li ħareġ l-aħjar ta’ Zarkov li dawwar tajjeb f’corner.
Fis-67 minuta, Gzira tilfu ċans tad-deheb li jirduppjaw l-iskor meta s-sostitut żagħżugħ Brooklyn Borg kellu x-xutt mill-ewwel fil-baxx tiegħu jintemm barra.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u fit-78 minuta reħbu penalty meta fit-tentattiv li jinterċetta l-ballun, Andrea Cassar, ħareġ barra minn postu u waqqa’ lil Brooklyn Borg fil-kaxxa. Mill-11-il metru, inkariga ruħu l-ispeċjalista Lucas Macula li iżda tefa’ inkredibbilment għoli.
Fl-84 minuta, Gzira qalgħu daqqa ta’ ħarta hekk kif spiċċaw jilagħbu b’10 players meta tkeċċa għalihom proprju l-awtur tal-goal tar-rebħa tagħhom, Thiago Espindola, wara li rċieva żewġ karti sofor fil-partita.
Referee: Matthew De Gabriele
BOV Plejer tal-Logħba: Darijan Zarkov (Gzira U.)