Gzira United għelbu l-isfida ta’ Gudja United bl-iskor ta’ 3-0, u dan bi player inqas wara li lagħbu għal kważi l-partita sħiħa bi player inqas, wara li tkeċċa Marcelo Dias kmieni fil-partita.
Gzira qalgħu daqqa ta’ ħarta wara biss ħames minuti meta tkeċċa għalihom Marcelo Dias permezz ta’ ammonizzjoni doppja, l-ewwel wara foul li wettaq fuq player avversarju, imbagħad minħabba rimarki li għadda fil-konfront tar-referee Emanuel Grech.
Iżda minkejja li bi player inqas, huma xorta waħda bdew jipproduċu l-isbaħ logħob u fid-19-il minuta fetħu l-iskor meta Lucas Macula avvanza tajjeb u permezz ta’ xutt ċentarli minn tarf il-kaxxa ma ta l-ebda ċans lill-goalkeeper ta’ Gudja, Justin Spiteri.
Huma komplew jippressaw u fit-33 minuta rebħu penalty, biex mill-11-il metru, inkariga ruħu, il-captain Zachary Scerri permezz ta’ xutt fil-baxx tefa l-ballun naħa u lil Spiteri, in-naħa opposta.
Dan sabiex seba’ minuti wara, kienu Gudja li rebħu penalty meta Jackson Mendoza waqqa’ lil Stephen Akomeah fil-kaxxa. Mill-11-il metru inkariga ruħu, Mathias Muchardi, li iżda ra lill-goalkeeper Kroat ta’ Gzira, Darijan Zarkov, isalva bi bravura biex ċaħħad lill-Gudjani milli jnaqqsu l-marġni tal-iskor.
Kien biss fit-68 minuta li waslet l-azzjoni sussegwenti bi Gzira jkunu huma li joħolqu l-periklu meta Lucas Macula impenja lil Spiiteri, hekk kif kellu x-xutt mill-viċin tiegħu mdawwar f’corner bi bravura minn dan tal-aħħar.
Il-partita kompliet ikkaratterizzata minn ħafna logħob f’nofs il-ground.
Dan sal-ħin miżjud meta l-Maroons issiġillaw ir-rebħa permezz ta’ Kyle Spence, li minn taħt il-lasta tefa’ ġewwa.
Referee: Emanuel Grech
BOV Plejer tal-Logħba: Lucas Macula (Gzira U.)