Propju fid-debutt jew aħjar ritorn ta’ Giovanni Tedesco bħala kowċ ta’ Gzira United, il-Maroons għelbu lil Zabbar SP bl-iskor ta’ 2-1, biż-żewġ goals għalihom jaslu wieħed f’kull taqsima minn żewġ penalties.
Għalkemm il-partita, ftit li xejn offriet azzjonijiet denja ta’ nota, Gzira urew id-dominanza tagħhom tul ħinijiet twal fil-partita u ħlief lejn l-aħħar mumenti tal-partita fejn anke naqqsu l-marġni tal-iskor, ftit li xejn taw ċans lil Zabbar jesprimu l-logħob tagħhom kif iridu jew kif kienu ppjanaw waqt it-taħriġ matul il-ġimgħa, bis-sitwazzjoni għalihom issa qed tirriżulta bħala waħda ferm prekarja hekk kif għadhom ankrati fil-qiegħ tal-klassifika b’erba’ punti biss.
Rimarkabbli huwa l-fatt li għaż-Zabbarin iddebutta t-Taljan Kristian Keqi li kien qed jagħmel ir-ritorn tiegħu ġewwa pajjiżna wara li fil-passat riċenti lagħab ma’ Floriana fejn rebaħ ukoll il-Kampjonat Premier.
Gzira ħolqu l-ewwel periklu fit-13-il minuta meta Alex da Paixao Alves kellu x-xutt tiegħu salvat mill-goalkeeper ta’ Zabbar, Matthew Grech, u mbagħad l-istess Grech waqqa’ lil Faysal Hassany Chouab fil-kaxxa. Mill-11-il metru inkariga ruħu l-ispeċjalista GABRIEL BOHRER MENTZ li ma żbaljax hekk kif permezz ta’ xutt b’saħħtu fil-baxx tefa’ l-ballun naħa u lil Grech in-naħa opposta.
Il-Maroons baqgħu jipproduċu l-isbaħ logħob u fl-40 minuta, Alex da Paixao Alves wara ħarba tajba, ra lil Matthew Grech isalva tajjeb.
Kienet meħtieġa reazzjoni mmedjata minn Zabbar fil-ftuħ tat-tieni taqsima u din b’xi mod waslet hekk kif ħarġu ferm aggressivi, u fil-55 minuta, Stefan Ilic kellu xutt sabiħ li ntemm ftit barra.
Iżda fil-61 minuta, Gzira rebħu t-tieni penalty fil-partita meta Jovancic waqqa’ lil Alex da Paixao Alves fil-kaxxa, b’GABRIEL BOHRER MENTZ jerġa’ jitfa’ l-ballun fix-xibka, biex b’hekk irreġistra doppjetta personali.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u fis-76 minuta, xutt mill-ewwel minn tarf il-kaxxa tal-captain Zachary Scerri ġie salvat mingħajr wisq diffikultá minn Grech.
Zabbar naqqsu l-marġni tal-iskor fil-85 minuta meta wara li rċieva minn cross pinġut mil-lemin, DIOGO JOAO TAVARES, kien fil-post it-tajjeb fil-mument opportun u permezz ta’ daqqa ta’ ras preċiża tefa’ ġewwa.
Il-Maroons komplew jamministraw il-vantaġġ minimu li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Daniel Portelli
Plejer tal-Logħba: Gabriel Bohrer Mentz (Gzira U.)