Gzira United ikkonvinċew bis-sħiħ meta għelbu l-isfida ta’ Mosta bl-iskor ta’ 2-1, biż-żewġ goals għalihom jaslu proprju fit-tieni taqsima.
Kienu l-Maroons li ħolqu l-ewwel periklu fid-disa’ minuta meta xutt mid-distanza ta’ Brooklyn Borg għadda barra.
Mosta wieġbu fl-24 minuta meta Henry Chidera Nwoga seraq ballun mingħand player ta’ Gzira, avvanza tajjeb fil-kaxxa iżda sab lill-goalkeeper Kroat ta’ Gzira, Darijan Zarkov, attent li ħareġ barra minn postu biex interċetta kull periklu.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Mosta, ħarġu ferm aggressivi u fid-49 minuta Armen Hovhanissyan kellu x-xutt fil-baxx tiegħu salvata tajjeb minn Zarkov minn mal-art.
Izda kienu Gzira li fetħu l-iskor żewġ minuti biss wara permezz ta’ xutt fil-baxx mid-distanza ta’ Jackson Mendoza li ma ta l-ebda ċans lill-goalkeeper ta’ Mosta, Dylan Ciapparra.
Madankollu, Mosta, ma rmewx ix-xugaman anzi wettqu reazzjoni mill-aqwa u ta’ dan ġew ippremjati meta fis-57 minuta ġabu l-iskor indass permezz ta’ freekick mill-isbaħ ta’ Linus Precious Tenebe.
Iżda kellhom ikunu Gzira li jsibu x-xibka fis-77 minuta liema goal, kellu jkun dak tar-rebħa meta wara li rċieva minn azzjoni ta’ corner ta’ Thiago Espindola, is-sostitut Brażiljan Gabriel Bohrer Mentz li kien ilu biss żewġ minuti fil-ground kien fil-post it-tajjeb u b’xamma kbira għall-goal u permezz ta’ daqqa ta’ ras preċiża tefa’ ġewwa.
Mosta rrispondew fit-88 minuta meta wara li rċieva minn azzjoni ta’ freekick mix-xellug ta’ Kevin Tulimieri, Damien Aneni, kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu mill-viċin salvata tajjeb minn Ciappara.
Gzira U. komplew jamministraw il-vantaġġ minimu li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Slobodan Petrovic
BOV Plejer tal-Logħba: Andrew Borg (Gzira U.)