Gzira United għelbu lil Mosta bl-iskor ta’ 2-0, biż-żewġ goals għalihom jaslu wieħed f’kull taqsima.
Kienu Gzira li ħolqu l-ewwel periklu fl-20 minuta meta Alex Da Paixo Aves għadda lura lejn Zachary Scerri li kellu l-konklużjoni tiegħu devjata f’corner.
Il-Maroons fetħu l-iskor fl-24 minuta meta minn azzjoni ta’ freekick mogħti mill-ispeċjalista Thiago Espindola, il-ballun spiċċa għand l-akkwist il-ġdid JOSEPH MINALA li mill-viċin ma ħafirx.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u fil-35 minuta Thaylor Aldama għadda tajjeb lejn il-captain Zachary Scerri li kellu x-xutt tiegħu salvat f’corner mill-goalkeeper ta’ Mosta David Udoh Akpan.
Mosta wieġbu fil-45 mimata meta l-captain Zachary Brincat li għadda tajjeb lejn Joshua Agjemang li dar tajjeb ma’ difensur ta’ Gzira iżda kellu l-konklużjoni dgħajfa tiegħu salvata mingħajr wisq diffikultá mill-goalkeeper ta’ Gzira, Darijan Zarkov.
Mas-siegħa logħob Alex Da Paixo Alves dejjem għall-Maroons serva fuq platt tal-fidda lis-sostitut Kevin Tulimieri, iżda dan tefa’ barra.
Żewġ minuti biss wara Gżira rduppjaw l-iskor meta ALEX DA PAIXO ALVES, qabeż lil Leonardo Fernandes u permezz ta’ xutt fil-baxx għeleb lil David Udoh Akpan.
Fil-75 minuta, Zachary Brincat għal Mosta ttanta xortih permezz ta’ xutt minn barra l-kaxxa li ntemm għoli.
Gzira komplew jamministraw il-vantaġġ doppju li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Trustin Farrugia Cann
Plejer tal-Logħba: Joseph Minala