B’kuntrast għall-partita ta’ qabilha, kienet partita li naqset milli tilħaq l-aspettattiva dik li rat lil Gzira U. jaħsdu lil Hamrun S. meta għebuhom bl-iskor minimu ta’ 1-0 bil-goal tant importanti għalihom jasal fl-ewwel taqsima eżattament fid-39 minuta mis-sostitut Thaylor Aldama.
Hamrun kellhom lil Ederson Bruno Domingos sospiż. Nieqes għalihom ukoll kien id-difensur ċentrali, Emerson Marcelina, li qed jirkupra minn injury ħafifa iżda mistenni jirritorna fl-azzjoni nhar l-Erbgħa li ġej kontra Sliema Wanderers fil-kwarti tal-finali tal-Meridianbet FA Trophy.
Għalihom irritorna fl-azzjoni, il-Kroat, Roko Prsa, wara li kien nieqes għal żmien twil minħabba injury li kien sofra fil-partita kontra Birkirkara, fejn ġie utilizzat bħala sostitut tard fil-partita eżattament fit-78 minuta fejn ħa post Elionay Freitas Da Silva.
Kienu Hamrun li ħolqu l-ewwel periklu fl-20 minuta meta Joseph Essien Mbong kellu xutt pjuttost fraġli minn tarf il-kaxxa salvat mingħajr wisq diffikultá mill-goalkeeper Taljan ta’ Gzira, Giulio Mangano.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u fis-27 minuta kellhom ferħa bla temma meta Raphael Lopes Silva mill-viċin tefa’ ġewwa iżda r-referee Slobodan Petrovic iġġudika li l-iskorer prolifiku Brażiljan kien miss il-ballun b’idu f’din l-azzjoni u għalhekk ħassar dan il-goal immedjatament.
Iżda kontra x-xejra tal-logħob kienu Gzira li fetħu l-iskor fid-39 minuta meta s-sostitut THAYLOR ALDAMA li kien ilu biss żewġ minuti fil-ground b’xutt mill-viċin ma ħafirx.
Il-pressjoni kienet kollha fuq Hamrun fejn fit-tieni taqsima kellhom pussess territorjaii ferm aħjar minn Gzira u fil-75 minuta resqu qrib li jġibu l-iskor indaqs meta wara li rċieva minn azzjoni ta’ freekick, il-Montenegrin Jovan Cadenovic minn pożizzjoni ideali ra lill-goalkeeper Taljan ta’ Gzira Giulio Mangano jsalva bi bravura.
Huma komplew bl-assedju fuq il-lasti avversarji u fil-ħin mżjud is-sostitut Mattias Ellul minn pożizzjoni ideali reġa’ ra lil Mangano jirriżulta bħala l-eroj fost sħabu hekk kif dawwar f’corner bi bravura.
Iżda kienu Gzira li komplew jamministraw il-vantaġġ minimu li kellhom sa tmiem il-partita, biex kisbu tliet punti prezzjużi.
Referee: Slobodan Petrovic
Player tal-Logħba: Thaylor Aldama (Gzira U.)