Gzira United kellhom jitħabtu biex għelbu l-isfida ta’ Gudja United bl-iskor ta’ 5-4 wara l-għoti tal-penalties. Dan wara li l-iskor sa tmiem il-ħin regolamentari u anke wara dak barrani kien dak ta’ 1-1.
Il-Gudjani fetħu l-iskor proprju fl-ewwel azzjoni perikoluża li ħolqu fid-29 minuta meta wara li rċieva minn kross, Vito Plut, minn pożizzjoni ideali tefa’ l-ballun f’lasta vojta.
Gzira wieġbu żewġ minuti biss wara Zachary Scerri xeħet kross lejn Maxuell Maia li kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu tintemm ftit għoli.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima Gzira ħarġu ferm aggressivi fit-tentattiv ovvju li jġibu l-iskor indaqs u fis-56 minuta Maxuell Maia għadda tajjeb lejn Jefferson De Assis li iżda wiċċ imb’wiċċ mal-goalkeeper ta’ Gudja, Glenn Zammit, ra lil dan tal-aħħar isalva bi bravura.
Dan sas-87 minuta meta s-sostitut Nikolai Muscat għall-Maroons, kellu freekick insidjuż li ġie mdawwar f’korner bi bravura minn Glenn Zammit.
U bl-aktar mod drammatiku, Gzira ġabu l-iskor indaqs fil-ħin mizjud permezz ta’ xutt bid-dawra minn barra l-kaxxa tas-sostitut u captain Nikolai Muscat i ma ta l-ebda ċans lil Glenn Zammit.
B’hekk. il-partita kellha tmur għall-ħin barrani.
Fil-103 minuta, kienu Gzira li ħolqu l-periklu meta Jefferson De Assis, ġie quddiem Glenn Zammit, iżda ra lil dan tal-aħħar isalva bi bravura.
L-iskor baqa’ ma nbidilx lanqas wara l-ħin barrani, u b’hekk il-partita kellha tmur għall-għoti tal-penalties.
PENALTIES – Mill-11-il metru għal Gudja, fallew il-captain Hubert Vella u James Arthur. Dan sabiex għalihom skorjaw Iriso Kolf Divaio, Andre Prates u Matias Muchardi.
Għall-Maroons, Maxuell Maia ra lil Glenn Zammit isalva tajjeb minn mal-art, qabel ma Gabriel Bohrer Mentz, Jefferon De Assis, Marko Cosic u Nikolai Muscat skorjaw għalihom.