Tliet gowls fit-tieni taqsima taw rebħa lil Gżira United li biha mill-ġdid ikkonsolidaw posthom fit-tieni post tal-klassifika tal-Kampjonat Premier.
Kienu x-Xlukkjari li ħarġu fuq l-offensiva u fil-11-il minuta Kristian Keqi minn ġol-kaxxa tefa’ għoli.
Il-kumplament tal-ewwel taqsima kien wieħed ikkaratterizzatt minn ħafna logħob f’nofs il-ground u nieqes minn kull emozzjoni.
Iżda kollox inbidel mal-ftuħ tat-tieni taqsima, hekk kif fis-46 minuta Gżira fetħu l-iskor meta Maxuell Maia għadda tajjeb lejn Jefferson De Assis li minn taħt il-lasta tefa’ ġewwa. Erba’ minuti biss wara, huma rdoppjaw l-iskor meta minn kross mix-xellug ta’ Marcelo Dias, il-goalkeeper tax-Xlukkjari, Marko Drobnjak, ma ħatafx tajjeb, bil-ballun jintemm għand Maxuell Maia li mill-viċin tefa’ l-ballun f’lasta vojta.
Gżira komplew fuq l-offensiva u fis-57 minuta, Toni Kolega kellu xutt ċentrali salvat tajjeb minn Drobnjak.
Tliet minuti wara, Jefferson de Assis, kien għoddu għamilhom tlieta għall-Maroons meta wara li approfitta minn żball fid-difiża ta’ Marsaxlokk, kellu t-tentattiv tiegħu mill-viċin imdawwar f’korner minn Emerson Vella. Mill-korner, Toni Kolega, kellu x-xutt tiegħu salvat minn Drobnjak bi bravura, biex mir-rebound pront kien Maxuell Maia li kellu t-tentattiv tiegħu mill-viċin jistampa mal-mimduda, bix-Xlukkajri jeħilsuha ħafif.
Kulma jmur kompla d-dominju assolut tal-Maroons u fid-69 minuta, komplew ikabbru l-marġni tal-iskor biex issiġillaw ir-rebħa permezz tat-tielet goal li wasal minn freekick mill-isbaħ ta’ Gabriel Bohrer Mentz li ma ta l-ebda ċans lil Drobnjak.
Gzira komplew jamministraw il-vantaġġ komdu li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee:- Malcolm Spiteri
Plejer tal-Logħba:- Maxuell Maia