Informazzjoni maħruġa mill-Bank Ewropew għall-Investiment turi li l-gżejjer tal-UE mhux qed jirnexxielhom jibbenefikaw mill-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (EFSI). Bħalissa, kemm Malta u kemm Ċipru jinsabu fl-aħħar tal-lista tal-investimenti li mistennija jkunu mobilizzati għal kull miljun Ewro ta’ Prodott Gross Domestiku taħt il-fondi tal-EFSI. Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew Alfred Sant qal dan waqt il-Konferenza mtella’ mill-Kummissjoni Ewropea dwar il-Gżejjer “Kif tista’ l-Politika ta’ Koeżjoni tindirizza l-isfidi tal-gżejjer wara l-2020?” fil-Parlament Ewropew.
“Il-problema ewlenija hija li dawn il-fondi mhux strutturati u mfassla għall-ekonomiji tal-gżejjer. Jinjoraw li l-ekonomiji tal-gżejjer ħafna drabi mhumiex mogħnija bl-ekonomiji meħtieġa, ma għandhomx popolazzjoni kbira u mhumiex viċin reġjuni oħra.”
Dr Sant qal li r-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE fil-kuntest tal-għajnuna tal-istat għandhom ikunu strutturati b’mod differenti ħafna milli huma bħalissa, għandhom ikunu aktar ċari.
“Għandna nkomplu nagħmlu l-pressjoni biex il-politika tal-kompetizzjoni tkun applikata b’inqas strettezza fil-gżejjer u ż-żoni tal-periferija, f’dan il-każ ukoll fil-kuntest tal-għajnuna tal-istat fil-forma ta’ fondi ta’ koeżjoni. Minn gżira għal gżira, minn reġjun għal reġjun, għandu jkun hemm eżenzjoni sħiħa u ċara mir-regoli tal-kompetizzjoni kif applikati għas-sussidji u l-appoġġ mill-istat. M’hemm l-ebda mod li bih dawn l-eżenzjonijiet jistgħu jaffettwaw l-operazzjonijiet tas-suq uniku Ewropew.”
Dr Alfred Sant ippropona t-twaqqif ta’ fond speċjali tal-UE apposta għal reġjuni tal-UE b’kundizzjonijiet ġeografiċi ‘speċjali’ jew ‘diffikultużi’.
“L-istrumenti attwali li ġew imfassla għas-suq intern huma adattati għal reġjuni żviluppati li jeħtieġ ikunu adattati għal ħtiġijiet tal-gżejjer. Dawn l-istrumenti għandhom isiru aktar effettivi. Huwa importanti li fondi ġodda (bħall-Fond tad-Difiża), jew metodi ġodda ta’ finanzjament bbażati fuq il-kompetizzjoni, bħal Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (ESFI), ma jdgħajfux il-perspettiva strateġika fit-tul tal-Politika ta’ Koeżjoni.
Għandna nippreżentaw ir-realta` tal-gżejjer fi ħdan politika futura ta’ Koeżjoni li tiffoka fuq il-ħtiġijiet tal-istrumenti li għandna naħdmu bihom. Irridu nagħtu prijorita` lid-diffikultajiet taż-żoni insulari biex il-karatteristiċi ġeografiċi jiġu kkunsidrati meta jkun ikkalkolat l-iżvilupp tar-regjuni tal-UE.”
Dr Sant qal li l-gżejjer u r-reġjuni fil-periferija tal-UE għandhom jisħqu fuq l-iżvilupp reġjonali.
“Iċ-ċaqliq ta’ fondi disponibbli lejn profil finanzjarju li jrendi, fuq il-bażi li dan jimmobilizza aktar volumi ta’ flus hija kontroproduttiva għal dawk fil-periferija tal-Ewropa. Is-self għandu jibqa’ fiċ-ċentru biex jagħmel tajjeb għall-iżvantaġġi li dawn ir-reġjuni għandhom, speċjalment fil-kuntest ta’ għaqda ekonomika u monetarja.”
Il-Konferenza kienet organizzata bħala parti mill-preparazzjoni tad-diskorsi għal qafas finanzjarju multi-annwali wara l-2020 u l-proposti tal-Kummissjoni Ewropea li mistennija jkunu ppreżentati dan ix-xahar. Għal Konferenza kien hemm preżenti Ewroparlamentari li jirrappreżentaw lil gżejjer, rappreżentanti minn gżejjer differenti u Corina Cretu, il-Kummissarju tal-Politika Reġjonali.