Gypsy, il-kelb tad-Dwana, xamm aktar minn għoxrin elf ewro fi flus mhux iddikjarati, fuq żewġ passiġġieri fis-sala tat-tluq fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Waqt spezzjonijiet ta’ rutina fuq il-passiġġieri, Gypsy indika li kien hemm ammont ta’ flus fuq passiġġier li kien fi triqtu lejn Frankfurt.
Il-passiġġier b’passaport Albaniż, ma ddikjarax l-ammont ta’ flus li kellu fuqu u wara li ġie eskortat mill-uffiċjali tad-Dwana u saritlu tfittxija, instab fuqu l-ammont ta’ għaxart elef, mitejn u erbgħin ewro.
Passiġġier ieħor b’passaport Eġizzjan kien se jaqbad titjira għal Istanbul meta l-kelb tad-Dwana indika li kellu l-flus fuqu.
Instab li r-raġel kellu ħdax-il elf ewro fi flus mhux iddikjarati, imma kienu biss ħamest elef u ħames mija li kienu tiegħu.
Huwa ta d-dettalji tal-persuna l-oħra li tagħha kienu l-flus.
Iż-żewġt irġiel ġew offruti ftehim barra mill-Qorti li qablu miegħu u ffirmawh. Sussegwentament, iż-żewġ passiġġieri ġew immultati.