L-għada tal-maratona ġbir ta’ fondi b’risq pazjenti bl-ALS li matulha nġabru aktar minn miljun u sitt mitt elf ewro, il-Gvern, permezz tal-Awtorità tad-Djar, se jagħti sittin elf ewro lit-tieni dar ta’ Dar Bjorn biex jinbena gym speċjalizzat għal pazjenti b’mard newroloġiku.
F’Dar Bjorn f’Ħal Qormi, Bjorn Formosa spjega kif b’dan il-gym se jkomplu jiżdiedu servizzi speċjalizzati li pajjiżna qatt ma kellu.
Qal, “Dan l-apparat bażikament ħa jkun qed jindirizza pazjenti b’mard newroloġiku permezz ta’ apparat speċjalizzat biex jindirizza dawn il-kundizzjonijiet u fl-istruttura ta’ Dar Bjorn il-ġdida, il-pazjenti residenti ħa jkunu jistgħu jibbenefikaw minn dawn is-servizzi flimkien ma’ mijiet ta’ pazjenti li bħalissa jieħdu servizz terapewtiku ġewwa d-dar tagħhom.”
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali, Roderick Galdes qal li din mhix l-ewwel darba li l-Gvern qed jgħin għaqdiet u djar soċjali biex itejbu s-servizzi b’risq min jagħmel użu minnhom.
Iddeskriva lill-ALS Malta bħala l-punt ta’ referenza għal persuni li jbatu minn mard newroloġiku.
Qal, “Il-Gvern ħass li kellu jappoġġja din l-inizjattiva billi kif għamel f’diversi djar Maltin biex jgħin persuni b’diżabilità jew li għandhom problemi ta’ mobilità, jgħinnhom permezz ta’ faċilitajiet. F’din id-dar ser ikun hemm apparat speċjali li huwa neuro gym li l-intenzjoni tiegħu hija li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ dawn in-nies.”