Il-Ħadd waranofsinhar infetaħ gym għall-pubbliku fil-Bajja s-Sabiħa, f’Birżebbuġa.
Dan il-proġett sar b’kollaborazzjoni bejn Bulletproof Culture u l-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa, bil-għan li jkomplu jissaħħu l-faċilitajiet sportivi fil-lokalità.
Il-gym f’Birżebbuġa huwa wieħed minn sensiela li Bulletproof Culture fetħet madwar il-pajjiż. Fil-fatt dak f’Birżebbuġa isegwi dawk diġà miftuħa f’Tas-Sliema, il-Għargħur, San Pawl il-Baħar u fl-Università ta’ Malta.
L-għan ta’ dawn il-proġetti huwa li jkomplu jinċentivaw tibdil fl-istil tal-ħajja favur aktar attività fiżika, kif spjega ma’ dan l-istazzjon il-ko-fundatur tal-kumpanija, Adam Sullivan.
“One of the biggest factors of choosing a gym is that of being 10, 15 minutes close, you do not want it to be an hour away so if you’re from this area or you’re walking you will be doing a cardio session as well. So it is an incentive for people to get out, get off their phones, screen times are at an all-time high globally, so these things are important. A little goes a long way in the community.”
F’din il-faċilità wieħed isib għadd ta’ tagħmir fosthom Multipurpose Rig, Double Pull Up Bar, Double Parallel Bars, kif ukoll Boxing Bag Configuration. Dawn joffru opportunitajiet ġodda għat-taħriġ u l-eżerċizzju f’ambjent naturali u miftuħ.
Dan il-proġett kien sponsorjat mill-kumpanija farmaċewtika Browns, li qed juru l-impenn lejn is-saħħa u l-benesseri tal-komunità.
Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm is-Sindku tal-Lokal, Scott Camilleri li nnota kif dan il-proġett jikkumplimenta proġetti oħrajn ta’ attività fiżika f’Birżebbuġa.
“L-għan tagħna bħala Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa huwa li nkomplu noffru faċilitajiet sportivi professjonali b’xejn u għal kulħadd. Dan il-proġett jingħaqad fost kullana ta’ proġetti fosthom il-beach soccer, it-3×3 basketball kif ukoll l-iskatepark u l-BMX park li għandna f’din il-bajja. Dan il-proġett għalina huwa tal-ewwel fejn qed naraw aktar żgħażagħ li xtaqu dan it-tip ta’ open gym, dan it-tip ta’ materjal biex ikollhom aktar faċilitajiet professjonali fejn jirrikreaw irwieħhom u fejn jagħmlu attività sportiva ġdida ġewwa Birżebbuġa.”