Illum tnidiet is-sit family time malta bil-għan li sservi ġenituri b’għarfien ta’ postijiet, jew attivtaijiet u avvenimenti għall-bżonnijiet rikreattivi ta’ uliedhom biex ikunu jistgħu jippjanaw ħin ta’ kwalità flimkien.
Il-fundaturi, Anna Gallo, perit Taljana li tgħix Malta, qalet ma’ ONE news li din l-idea ġietha meta tliet snin ilu saret omm u li rat li kien hawn il-bżonn għall-pjattaforma li tgħin lill-ġenituri għall-ħin ta’ kwalità ma’ uliedhom.
Il-pjattaforma, li hija ndirizzata lejn familji bi tfal b’etajiet mitt-twelid sa 12-il sena, inkluż ukoll tfal b’abbiltajiet differenti, se sservi bħala gwida ppersonalizzata skont il-prefernza tal-ġenituri. Minkejja l-bosta għażliet disponibbli għall-familji f’Malta, s’issa kienet diffiċli ssib informazzjoni malajr.
Gallo qalet li din il-pjattaforma hija wkoll opportunità għall-imprendituri u organizzazzjonijiet b’faċilitajiet attrezzati biex jippromwovu lilhom infushom.
Family Time Malta għandha l-appoġġ tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal, Heritage Malta, Visit Malta, il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-tfal u Solidarjetà Socjali, Nature Trust, Esplora, Aquarium, l-Istitut Taljan għall-Kultura u Marsa Sports Club.