Koppji li se jkollhom it-tfal, u ġenituri ta’ trabi li għandhom bejn sitt xhur u tliet snin, għandhom ktejjeb informattiv għal xiex jirreferu dwar id-dieta taċ-ċkejknin tagħhom.
Dan hekk kif id-Direttorat tal-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard nieda linji gwida dwar id-dieta tat-trabi u tfal żgħar.
L-għan huwa li l-ġenituri jkollhom l-aħjar informazzjoni dwar dieta bilanċjata għal uliedhom – li tipproteġihom minn mard kroniku filwaqt li sservi ta’ bażi tajba għal piż ideali tul il-ħajja.
F’konferenza tal-aħbarijiet tfakkar u kien sostnut l-importanza tat-treddiegħ – u allura l-ħalib tas-sider – għat-trabi.
Xahar b’xahar sakemm it-tarbija tagħlaq sena, il-linji gwida jipprovdu informazzjoni utli dwar il-ftim għall-ikel solidu – jiġifieri l-proċess tal-introduzzjoni tal-ikel għat-trabi u s-sostituzzjoni tal-provvista tal-ħalib.
Minbarra t-tip u l-porzjon, hemm ukoll informazzjoni dwar is-sigurtà tal-ikel biex dejjem ikun iġeniku u jnaqqas ir-riskju ta’ mard jew kumplikazzjonijiet tas-saħħa.
Id-Direttur tad-Direttorat tal-Promozzjoni tas-Saħħa Dr. Paula Vassallo spjegat li dawn il-linji gwida jmorru lil’hinn mill-ikel.
“L-attivita fiżika, is-socialisation ta’ dawn it-tfal żgħar biex dawn ma joqogħdux dejjem quddiem it-television imma jibdew jiċċaqalqu minn eta żgħira kif ukoll l-importanza tas-saħħa tal-ħalq,” qalet Vassallo.
Bħal strateġiji oħra – fosthom dik tat-treddiegħ, din ukoll inħadmet bis-sehem ta’ bosta professjonisti fosthom qbiela u pedjatri – li qed jingħataw taħriġ biex iwasslu l-istess messaġġ ta’ dawn il-linji gwida.
“Aħna ħdimna flimkien mal-istakeholders biex inwasslu dejjem l-istess messaġġ konsistenti lill-ġenituri, it-tuturi u kull min jieħu ħsieb lil dawn it-tfal żgħar u kulħadd ħadem flimkien biex inwasslu l-istess messaġġ ibbażat fuq l-aħħar evidenza,” kompliet tgħid id-Direttur Vassallo.
Dawk kollha li għandhom xi mistoqsijiet huma mħeġġa jikkuntattjaw lid-Direttorat tal-Promozzjoni tas-Saħħa fuq il-paġna ta’ Facebook.
Dawn il-linji gwida qed jitqassmu fiċ-Ċentri tas-Saħħa madwar il-pajjiż, u mistennija jkunu disponibbli wkoll onlajn u fiċ-ċentri tal-ħarsien tat-tfal.