Hekk kif fil-ħames snin li ġejjin l-impjieg f’Malta mistennija jiżdiedu b’50,000 impjieg ġdid, l-aġenzija tax-xogħol Jobs Plus nediet ktejjeb dwar l-oqsma li mistennija jaraw żidiet fl-impjiegi bil-għan li jservi ta’ gwida għall-istudenti u dawk li diġà qegħdin jaħdmu.
F’konferenza għall-aħbarijiet il-Kap Eżekuttiv ta’ Jobs Plus Clyde Caruana qal li l-ktejjeb magħruf bħala Occupational Handbook għandu jinkludi dettalji dwar 246 impjieg f’pajjiżna:
“Qed naraw li se jkun hemm daqstant żieda qawwija fis-suq ta’ xogħol f’dawk li huma f’opportunitajiet f’impjiegi. Ħassejna l-ħtieġa li jkun hemm aktar informazzjoni dwar fejn se tkun din iż-żieda. Dan il-ktejjeb għandu jkun ta’ għodda mhux biss għal studenti li beħsiebhom jidħlu fi-dinja tax-xogħol, imma wkoll għall-istess nies li diġa qed jaħdmu llum u kif ukoll fuq min iħaddem”.
Il-ktejjeb jinkludi tagħrif dwar is-salarji, il-kwalifiki meħtieġa għal kull impjieg u informazzjoni dwar impjiegi ġodda:
“Dan il-ktejjeb se jkun qed joffri informazzjoni dwar fejn se jinħolqu dawn l-opportunitajiet, kemm se jinħolqu minn dawn l-opportunitajiet, u anke wkoll x’inhi r-rimunirazzjoniji f’kull qasam”.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li dan il-ktejjeb ser iservi ta’ gwida utli għall-istudenti Maltin:
“Din hija għodda tajba ħafna għaliex tiġbor fiha 90% tax-xogħlijiet differenti li tista’ tagħmel f’Malta u Għawdex, u allura inti bħala student, bħala ġenitur, bħala għalliem responsabbli biex tiggwida lit-tfal, taf x’inhuma dawn ix-xogħlijiet u taf x’hemm meħtieġ għal kull xogħol”.
Dan il-ktejjeb kien parzjalment iffinanzjat mill-fond soċjali Ewropew u jista jiġi aċċessat fuq is-sit www.jobsplus.gov.mt.