It-taqtigħa għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista kompliet tiħrax fost il-grupp parlamentari Nazzjonalista hekk kif it-Tnejn filgħaxija, b’mossa bla preċedent Jason Azzopardi, esponent ewlieni tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, ippubblika ta’ sbatax-il persuna li huma kontra l-Kap Adrian Delia.
Dawn id-deputati li Azzopardi ddeskrivihom bħala eroj huma: Claudette Buttigieg, Kevin Cutajar, Karl Gouder, Therese Comodini Cachia, Mario de Marco, Toni Bezzina, Marthese Portelli, Karol Aquilina, Roberta Metsola, Claudio Grech, Ryan Callus, Beppe Fenech Adami, Simon Busuttil, Chris Said, Stephen Spiteri, Jason Azzopardi u David Casa.
Il-kitba ta’ Jason Azzopardi ma niżlet xejn sew ma numru ta’ tesserati li spiċċaw f’nofs gwerra li ħakmet lill-Partit Nazzjonalista. Filfatt kien hemm bosta li kkumentaw fuq dak li kiteb Azzopardi u staqsewh min eleġġa l-Kap, hux is-sbatax-il deputat jew inkella t-tesserati. Hawnhekk Azzopardi nfexx iwieġeb b’mod iebes lil dawn il-persuni.
Nazzjonalisti oħra li jappoġġjaw lil fazzjoni ta’ Busuttil appoġġjaw fuq facebook lil Jason Azzopardi u ħeġġew biex it-Tlieta, fil-Parlament jressaq vot ta’ sfiduċja fil-Kap tal-Oppożizzjoni.
Din il-lista ta’ sbatax-il persuna għamel referenza għaliha l-ewwel darba l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia fid-diskors tiegħu l-Ħadd filgħodu fil-Mellieħa. Hawnhekk Delia wera l-bieb ta’ barra lis-sbatax li huma kontrih. Edwin Vassallo, wieħed mid-deputati li għadu jżomm mal-Kap Adrian Delia talab ukoll lin-nies tal-fazzjoni ta’ Busuttil sabiex jipprattikaw dak li tant priedkaw dwaru u jimxu mal-valur tad-demokrazija.
Il-Ħadd filgħaxija wkoll, l-eks Segretarju Ġenerali Clyde Puli sejjaħ ukoll bħala malinn l-attakk sistematiku li qed jagħmlu dan il-grupp ta’ persuni fi ħdan il-Partit Nazzjonalista. Waqt intervista fuq l-istazzjon nazzjonali Puli saħansitra stqarr li dan il-grupp ta’ kontra l-Kap ħeġġeġ lin-Nazzjonalisti sabiex jivvutaw lill-Partit Demokratiku fl-elezzjonijiet ta’ Mejju li għadda. Elezzjonijiet li ġabu magħhom l-akbar telfa elettorali għall-Partit Nazzjonalista fl-istorja politika ta’ pajjiżna mill-Indipendenza ‘l hawn.