Il-President Amerikan Donald Trump għamel ġurnata sħiħa jattakka lill-President Ukren Volodymyr Zelensky fejn fost l-oħrajn għajru dittatur biex kompliet tikber il-firda bejn iż-żewġ mexxejja.
Dawn l-attakki bdew wara li Zelensky irreaġixxa għat-taħdidiet bejn l-Amerikani u r-Russi fl-Arabja Sawdija li għalihom l-Ukrajna ma kinitx mistiedna, fejn qal li l-President Amerikan kien qed jgħix f’arja ta’ diżinformazzjoni immexxija mir-Russi.
Waqt li kien qed jitkellem f’laqgħa ta’ investiment sostnut mis-Sawdi fi Florida, Trump qal li l-unika ħaġa li Zelensky kien kapaċi jagħmel kienet li jimmanipola lil eks President Amerikan Joe Biden.

L-insinwazzjoni li Zelensky huwa dittatur ġabet kritika immedjata minn bosta mexxejja Ewropej fosthom il-Kanċillier Ġermaniż Olaf Scholz li qal li kien żbaljat u perikoluż li wieħed jinnega d-demokrazija leġittima tal-President Zelensky.
Il-Prim Ministru tar-Renju Unit Sir Keir Starmer, waqt telefonata ma’ Zelensky, għamilha ċara li kien qed jappoġġjah bħala l-mexxej elett demokratikament tal-Ukrajna. Kelliem mill-uffiċċju tal-mexxej Ingliż qal li kienet xi ħaġa raġonevoli li jiġu sospiżi l-elezzjonijiet waqt gwerra bħalma kien ġara fir-Renju Unit waqt it-Tieni Gwerra Dinjija.
Il-mandat ta’ ħames snin ta’ Zelensky kellu jintemm f’Mejju tas-sena l-oħra iżda peress li l-Ukrajna ilha taħt il-liġi marzjali minn meta r-Russja bdiet l-invażjoni fi Frar 2022, l-elezzjonijiet kienu sospiżi.
Il-Prim Ministru Żvediż Ulf Kristerson ukoll ikkritika l-użu tal-kelma dittatur minn Trump, filwaqt li l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ġermaniż Annalena Baerbock qalet li l-kumment kien redikolu.
Hawnhekk, f’kumment lill-istazzjon ZDF, hija qalet li kieku kien qed jara x’qed jiġri fid-dinja rejali flok ifajjar kliem fuq il-mezzi soċjali, kien ikun jaf min fl-Ewropa qed ikollu jgħix f’kundizzjonijiet ta’ dittatorjat bħan-nies fir-Russja u l-Belarus.
Waqt li kien qed jitkellem fi Florida, Trump għajjar lil Zelensky ‘dittatur’ ftit sigħat wara li kien uża l-istess kelma f’kitba fuq is-sit tiegħu, ‘Truth Social’, dwar il-President Ukren.
L-eks Prim Ministru Ukren, Arseniy Yatsenyuk, f’kumment lill-BBC, qal li r-Russja qed jiftħu x-xampanja wara dawk il-kummenti ta’ Trump.
Din il-ġlieda bil-kliem bejn iż-żewġ mexxejja tal-Istati Uniti u l-Ukrajna skattat wara l-kummenti li għamel Trump waqt konferenza tal-aħbarijiet mir-residenza tiegħu fi Florida nhar it-Tlieta meta attribwixxa l-ħtija tal-gwerra fuq l-Ukrajna.