Il-Papa Franġisku għandu sfida straordinarja quddiemu. Hija sfida li tirrigwarda l-kontraċettivi u l-Ordni Sovran Militari u Ospitalier ta’ San Ġwann.
Skont The Guardian, dawn tal-aħħar qed jirrifjutaw li jikkollaboraw f’investigazzjoni dwar it-tkeċċija ta’ uffiċjal għoli li ddistribwixxa eluf kbar ta’ kontraċettivi – condoms, biex inkunu preċiżi.
Il-kontroversja ilha għaddejja ġimgħat, imma l-Kavallieri tal-Ordni għamlu pass bla preċedent meta irrifjutaw li jgħinu.
L-ordni għamlet stqarrija fejn insistiet li ma trid tħalli lil ħadd jindaħal fl-awtorità tagħha.
Skont osservaturi tal-Guardian, dan mhux biss pass fuq l-investigazzjoni, imma pass li jikkomunika ċertu rabja u nuqqas ta’ ubbidjenza minn Kattoliċi tradizzjonali li jopponu lill-Papa Franġisku għax jemmnu li huwa progressiv iżżejjed.
Albrecht von Boeselager, persuna mlaħħqa sew fl-Ordni, kien sospiż nhar it-tmienja ta’ Diċembru wara li rrifjuta li jirriżenja. Huwa akkużat li qassam ħafna condoms f’Myanmar, permezz ta’ organizazzjoni li tagħmel il-karità u li taqa’ taħt l-Ordni ta’ Malta. Il-Knisja Kattolika tipprojbixxi l-użu ta’ kontraċettivi.