Mara trid tgħaddi mill-inqas kwarta qabel tiddeeċiedi x’se tilbes!
Kif qalet Sarah Jessica Parker f’Sex and the City, “Għandi gwardarobba ħwejjeġ iżda x’nilbes m’għandix!”
U dan ġie kkonfermat minn studju li għamlu flimkien Marks & Spencer u Oxfam li rriżultalhom li 62 fil-mija tan-nisa li jaħdmu jgħaddu minn dik li jsejħu ‘Wardrobe anger’ – rabja ta’ quddiem il-gwardarobba jew stat ta’ nervożiżmu għax il-mara ma tarax dak li tixtieq tilbes.
L-inqas l-irġiel mhuma esklużi minn din is-sitwazzjoni, terz mill-irġiel li ġew intervistati qalu li mill-inqas darba f’ħajjithom għaddew minn dan il-mument ta’ dwejjaq. Jingħad li l-irġiel iqattgħu l-ekwivalenti ta’ tlett ijiem fis-sena quddiem il-gwardarobba sakemm jiddeċiedu x’se jilbsu…aktar u aktar jekk jaħdmu f’uffiċċju.
L-istilista Ingliża Bay Garnett hi tal-idea li mara m’għandhiex tqatta’ aktar minn żewġ minuti kuljum biex tiddeċieddi x’se tilbes. “Kull ma għandha tagħmel mara,” tgħid, “huwa li tħares waħda sew lejn il-ħwejjeġ li għandha, tara liema qdiemu u teħles minnhom. B’hekk mhux biss ikollha inqas ilbiesi minn fejn tagħżel, iżda tikklassifika wkoll l-ideat tagħha!”
L-istudju, fost 2,000 raġel u mara Ingliżi, sab li minn ras għal ras, 44 fil-mija biss tal-ħwejjeġ li għandhom fil-gwardarobba jintlibsu. U uħud minnhom għadhom ġodda fjamanti tant li għadhom bit-tikketta.
Persuna minn kull 20 tilmenta għall-inqas darba fil-ġimgħa, li m’għandha xejn x’tilbes.
Il-problema tkompli tiggrava għax hemm min li minħabba l-indeċiżjoni x’se jilbsu jaslu tard għax-xogħol jew inkellha jagħmlu ġurnata bil-buli… jew saħansitra jeħel ma’ rashom il-partner.